Il-Ħamis filgħaxija, fil-Palazz storiku tal-Girgenti, ittellgħet b’suċċess ir-raba’ edizzjoni tal-kunċert ‘A Night at the Palace’, bil-parteċipazzjoni tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Din is-serata mużikali, li għaqqdet l-arti mal-ġenerożità, kienet b’risq il-programm ‘Strong Minds’ ta' Special Olympics Malta.

Il-programm ‘Strong Minds’ joffri taħriġ għall-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda li jgħinu lill-atleti jadattaw għal sfidi differenti. Grazzi għad-donazzjonijiet miġbura waqt il-kunċert, Special Olympics Malta se tkompli tespandi l-inizjattivi tagħha, fosthom screening tas-saħħa mentali tal-atleti biex jiġu identifikati riskji minn qabel u jingħata l-appoġġ professjonali meħtieġ.

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien ma’ Dr Lydia Abela u binthom Giorgia Mae, iltaqgħu ma’ bosta familji li attendew għal din l-okkażjoni speċjali, u esprimew ir-rikonoxximent tagħhom għall-appoġġ ġeneruż lejn programm li qed jagħmel differenza reali fil-ħajja tal-atleti.

Il-kunċert, taħt id-direzzjoni tal-Maestro Aurelio Belli, ra l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta tingħaqad mal-kantanti Amber, Richard Edwards u Gloriana Arpa Belli biex jagħtu rendizzjoni spettakolari ta’ xogħlijiet mużikali ikoniċi minn films u musicals rinomati – serata li żgur tibqa’ fil-memorja ta’ dawk kollha li attendew.


Emil Calleja Bayliss