Fuq il-programm Distintivi ġie diskuss kif fil-Gżejjer Maltin għandu jkun hawn aktar vetturi li jaħdmu bl-elettriku u inqas minn dawk li jaħdmu bil-hybrid. Issemmiet il-possibilità li t-trasport pubbliku jkun b’xejn għal kulħadd biex aktar nies jagħmlu użu minnu. 

Fost il-mistednin tkellmet mal-preżentatur Kevin Mercieca, Aliya Noor, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija E-Deliv Logistics. Aliya hija l-ewwel mara fil-Gżejjer Maltin li bdiet tmexxi kumpanija ta' loġistika li provdiet anke konsenji f'pajjiżna ta' vetturi li jaħdmu bl-elettriku. Waqt l-intervista, Aliya titkellem dwar x'inhuma l-benefiċċji għall-arja tagħna meta jintużaw dawn il-karozzi tal-elettriku. 

Fir-rokna tiegħu Kurt tkellem dwar il-fatt li f'pajjiżna jintużaw 'l fuq minn 400,000 vettura, u jsemmi anke diversi soluzzjonijiet li persuna tista' tibbenefika minnhom, apparti l-użu ta' karozzi li jaħdmu bl-elettriku. Punt li minn dejjem kien jissemma huwa li fejn taf li m'għandekx distanza twila, tuża jew rota jew tivvjaġġa bil-pass.

Segwi aktar billi tidħol HAWN u tagħfas fuq Distintivi mil-lista tal-programmi tat-Tlieta.


Kyle Zarb