Għaxar snin ilu, il-Maltin ħadu sorpriża kbira meta bdew isegwu t-tieni sensiela tal-programm Io Canto. Il-programm ta' kull ġimgħa kien jinfetaħ mill-kantanta Maltija Danica Muscat, li ta' kull ġimgħa kienet titla' l-Italja sabiex turi t-talent tagħha.

Danica tista' tgħid li kienet l-ewwel Maltija fuq programm daqshekk popolari fl-Italja, wara kellna x-xorti li naraw kantanti oħra Maltin, kemm fuq Io Canto u anke fuq Ti Lascio Una Canzone. Dan tal-aħħar, saħansitra kien intrebaħ mill-kantanta Maltija Federica Falzon.

Fl-okkażjoni tal-għaxar snin minn din l-esperjenza l-kantanti tal-ewwel edizzjoni ta' dan il-programm ingħaqdu flimkien sabiex mil-ġdid ilkoll reġgħu kantaw is-sigla tal-programm biex ifakkru l-memorji sbieħ li għexu.

Aħna ta' Gwida.mt għamilna kuntatt ma' Danica biex naraw kif kienet bdiet din l-esperjenza għaliha. Hi qaltilna, "Meta kelli xi 15, 16-il sena, niftakar li Rita Signorino, l-għalliema tal-kant tiegħi dak iż-żmien ġabet talent scout mill-Italja, u kantajt quddiemha. Proprju ftit tal-jiem wara tlajt nagħmel audition ġewwa Ruma u kantajt quddiem id-direttur Roberto Cenci, u għalkemm ma kontx naf kelma waħda bit-Taljan, għidtlu kollox “Si” u b’xi mod wasalna."

Hi tkompli tgħidilna, "Semagħni nkanta My Heart Will Go On u In Assenza di Te, u offrewli l-kuntratt mal-ewwel. Meta mort l-ewwel programm, fl-Italja, qaluli li ħa nirrekordjaw is-sigla, sigla li ġiet ippubblikata minn Sony Music Italy. Ġmiel t’esperjenza, bi dwetti ma’ Ron, The Priests, Ornella Vanoni u Pierdavide Carone fost l-oħrajn. Dawn flimkien mal-ħbieb li għamilt huma memorji li ma ninsa qatt."

Allura l-idea tas-sigla kif ġiet? Danica tistaqarr li ħareġ bl-idea missier Giada, waħda mill kantanti, "hu kellimni rigward din l-idea li kellu f’moħħu, li nerġgħu nirrekordjaw is-sigla tal-programm Io Canto. Ma domtx naħseb wisq biex ngħidlu iva għax kien żmien verament sabiħ. Bla dubju li wara għaxar snin mingħajr ma niltaqgħu, tqanqlu ħafna memorji! Kemm inbdilna."


Emil Calleja Bayliss