Waħda mill-inċentivi li tant għenet wara l-pandemija tal-Covid-19 matul l-aħħar sena u nofs kienet l-għotja tal-vawċers. Il-pubbliku għamel iżjed kuraġġ biex joħroġ jixtri u jdur il-ħwienet, fil-waqt li indubjament is-sidien tal-ħwienet reġgħu qamu fuq saqajhom wara ż-żewġ lockdowns li esperjenzajna. 

Diversi sidien tal-ħwienet ikkonfermaw kemm il-vawċers servew ta’ spalla għan-negozju tagħhom waqt voxpop li ħadu sehem fih. Mingħajrhom ma kienx ikun hemm dan il-progress wara l-waqfiet li esperjenzaw diversi kumpaniji u negozji.

F’dan il-voxpop is-sidien faħħru dan l-inċentiv u kliemhom jixhed kemm raw kambjament bejn sena u oħra fil-bejgħ. Semmew diversi fatturi li nnutaw mill-esperjenzi tagħhom, fosthom il-fatt li l-vawċers jagħti kuraġġ lill-klijent biex anke jonfoq aktar mis-soltu. 

fg

Sid ta’ ħanut tal-ġojjellerija jgħid, “Apparti li jkunu użaw ammont ta’ vawċers, ikunu nefqu naqra iżjed u ħarġu xi ħaġa extra.” Ħaddiema oħra tikkonferm li l-biċċa l-kbira tal-klijenti meta jużaw il-vawċers dejjem żiedu mill-flus tagħhom, sintendi, biex jagħqdu l-ammont totali.

Is-sidien isemmu wkoll kemm klijenti ta’ kull età nefqu l-vawċers kollha ma’ kull ċans li kellhom! Minkejja dan, l- età medja tal-klijenti  fil-maġġor parti tal-ħwienet kienet dik ta’ bejn 40 u 50 sena. L-anzjani wkoll sabuhom komdi u utli l-vawċers. Kif qalet ħaddiema minn stabbiliment taż-żraben u l-ħwejjeġ, “sal-anzjani ġew, l-ikbar waħda li kelli kienet ta’ 90 sena li wkoll użathom hawnhekk.” 

 Iż-żgħażagħ jidher li sabu l-vawċers diġitali komdi immens biex jixtru bihom f’għadd ta’ ħwienet. Madankollu, jidher biċ-ċar li minn kif qalu s-sidien il-maġġoranza tal-popolazzjoni għamlu użu mill-vawċers tal-karti li ntbagħtu bil-posta. Hi ċara li l-iskema tal-vawċers kienet ta’ suċċess għal kulħadd. In-negozji kollha kelma waħda, “morna ħafna aħjar mis-soltu.” Jidher ukoll li l-iskema ta’ bħalissa, li ser tagħlaq fl-aħħar ta’ Ottubru, marret ħafna aħjar minn dik tas-sena l-oħra. 

fd

Bosta ħaddiema kkonfermaw li l-vawċers tal-iskema preżenti,  “intlaqgħu aktar mill-aħħar darba.” Apparti minn hekk ħafna mill-klijenti fl-aħħar xhur marru jieklu fir-ristoranti bi tlett familji sħaħ u għażlu li joħorġu l-vawċers tagħhom bejniethom biex jagħqdu l-ammont totali.

Is-sidien tal-ħwienet qablu li, “kull daqqa t’id tgħodd”, u l-vawċers tawhom spinta ‘l fuq u tama għall-ġejjieni. Ħaddiema żżid li l-klijenti jaqblilhom daqs in-negozji bil-vawċers - “għalihom tajjeb għax is-servizz flok iħallsu għalih jużaw lilhom.” Għaldaqstant diversi klijenti qed juru x-xewqa li aktar skemi ta’ vawċers jiġu offruti lilhom fiż-żmien li ġej. 

Taħseb li għad nerġgħu naraw skema oħra ta’ vawċers? Int x’taħseb?


Kyle Zarb