Kelma taf issabtek mal-art jew ittellgħek il-ġenna. Hekk ġralha Emma Spiteri, minn pazzjenta li kienet ħdejha l-isptar. Liema pazzjenta għadha sal-lum il-ġurnata ma tafx min hi. Segwi l-intervista ma' Emma hawn: 

Skip Ad in 5 seconds Skip Ad

Minn età żgħira, Emma kellha taffaċja problemi ta' 'bullying' minħabba kundizzjoni f'idejha li tagħmilhom jgħerrqu ħafna. L-istudenti tal-klassi ma kinux irridu joqgħodu ħdejha u kienu jressqu l-imwejjed għax jitqażżuha. Aġir bħal dan beda jaffetwa lil Emma mhux ftit. Kienet tiftaħ qalbha ma' nannitha li din dejjem kienet tagħtieha parriri siewja u timlieha b'kuraġġ. 

Kien għalhekk mat-telfa ta' nanna Karmelina, Emma tibda sejra għal agħar. "Minn hemm bdejt nesperjenza sintomi ta' dipressjoni, l-ansjetà rikbitni u ridt ntemm ħajti" tgħidilna Emma fl-intervista. Bis-saħħa ta' familjari bdiet tieħu l-kura professjonali. Iżda n-nuqqas tan-nanna tagħha kien kbir wisq. 

Emma tispiċċa l-isptar minħabba l-ansjetà kbira li kellha u tiltaqa' ma' pazzjenta. "Kienet mara speċjali, għedtilha bl-istorja tiegħi, qagħdet tismani u wara qaltli erba' kelmiet li ġelitni nqum mill-ġdid" tisqarr Emma. Tgħidilna li din il-mara qatt ma kienet ratha qabel u lanqas wara, iżda xxebbaħha man-nanna tagħha. "Dil-mara xebbaħtha man-nanna għax tatni l-għajnuna u dawk l-erbgħa kelmiet kienu qishom qaltomli hi" tgħidilna Emma bi dmugħ f'għajnejha. 

Tixtieq ħafna kieku tiltaqa' ma' din il-mara li bis-saħħa tagħha llum tinsab qawwija u sħiħa. Mhux talli hekk talli Emma qed taħdem bħala LSE sabiex tgħin lil tfal li jkollhom problemi bħal ma kellha hi. Emma tagħlaq b'messaġġ ċar, "Min qed jgħaddi minn problemi ta' saħħa mentali, fittex l-għajnuna meħtieġa u taqta' qalbek qatt! Tħalliex l-ostakkli jfixxkluk hawn ħafna nies li jistgħu jgħinuk u jħobbuk". 

Awguri Emma fil-karriera tiegħek.  


Anthony Baldacchino