Il-kantanta li ħa tirrapreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest 2021 f'Mejju li ġej kellha intervista aktar kmieni fejn tkellmet dwar l-oriġinalità u l-importanza li tkun dak li int.
Destiny tgħid "Li tkun int u li tkun kunfidenti tagħmlek differenti mill-oħrajn." Il-kantanta titkellem fuq il-fatt li meta tkun uniku, tgħinek tibrilla u tagħmel impatt. Bosta kienu li qablu magħha kemm permezz tal-kummenti kif ukoll billi xerrdu l-filmat.
Fuq il-profil uffiċjali tal-Eurovision Song Contest telgħet anke intervista qasira oħra fejn staqsew bosta mistoqsijiet lil Destiny. Sirna nafu li Destiny kieku kellha tagħżel, tkanta mal-kantant Taljan li tant tammira, Mahmood. Meta staqsewha x'inhi l-ikbar xewqa tagħha, Destiny tgħid, "ovvjament li nerġa' niltaqa' man-nannu tiegħi għax kien hu li mbuttani biex inkun dak li jien illum". Destiny tgħid li l-attitudni tiegħu li tant tammira, għenitha biex tkun il-mara soda u indipendenti li hi llum.