Theresa Ann Cachia xi jiem ilu tefgħet filmat flimkien ma' ħuha Josef Camilleri, li qed jieħu l-kura u t-trattament li hemm bżonn minħabba l-kundizzjoni bl-isem ta' Nephrotic Syndrome. Li ġara hu li twieled bil-kliewi ma jaħdmux. Theresa u ħuha xtaqu jaqsmu storja tiegħu b'risq World Kidney Day, li tiġi mfakkra fl-14 ta' Marzu.

Theresa tibda billi tispjega dwar l-applikazzjoni li persuna tista' timla biex turi x-xewqa li tħalli xi organu, bħal kilwa, wara mewtha. 

Theresa tispjega kif fil-parti tal-isptar fejn kienu hi u ħuha jiġbdu l-filmat, hemm mat-350 pazjent b'90 minnhom qed jistennew donatur ta' kilwa, fosthom ħuha Josef.

Theresa flimkien ma' ħuha jaqsmu l-istorja tiegħu u kif kontinwament ħa t-trattament u l-kura li kien hemm bżonn biex seta' jgħix f'saħħtu. Hi u ħuha jixtiequ jkunu ta' kuraġġ għal ħaddieħor fil-waqt li jqajmu aktar għarfien.

Josef għamel madwar sentejn ġewwa l-isptar ta' Malta kif ukoll tela' sa għaxar darbiet l-Ingilterra. Ommu, li smajna ħafna dwarha mingħand Theresa, kienet tagħtu kilwa minn tagħha lura fiż-żmien meta kellu età u l-piż biżżejjed. Kilwa li serviet 27 sena, hekk kif wara dawk is-snin kellu jerġa' jgħix fuq il-magni.

Ħu Theresa tkellem dwar kif affettwatu din il-kundizzjoni f'ħajtu u dak li għadda minnu tul ħajtu. Isemmi fost l-oħrajn is-sapport li dejjem irċieva minn familjari, ħbieb, kollegi tax-xogħol eċċ speċjalment meta beda jmur l-isptar kull tlett ijiem biex jagħmel il-magna.

Theresa tappella, "Ġejna hawn biex naqsmu din l-istorja magħkom u biex nagħmlu din l-awareness li bħal ħija hawn ħafna jistennew donatur. Jekk inti tista' tgħin din ma tiswax flus, nitlobkom tirreġistraw biex intom tistgħu tkunu donaturi wara mewtkom, u tkunu tistgħu tgħinu lil xi ħadd bħal ħija. Iva, aħna għandna bżonn kilwa."

Isma' aktar l-istorja ta' ħu Theresa, Josef, u ifhem għaliex għandek tikkunsidra turi x-xewqa li tħalli organu, fost l-oħrajn kilwa, wara mewtek. Tista' tagħmel dan meta tirreġistra, bla ħlas, fis-sit HAWN. Kuraġġ dejjem Josef!


Kyle Zarb