Kultant il-ħajja taf tkun tassew stramba. Graziella Ferrante tirrakkontalna kif il-film li ħa sehem fih missierha, film produċut mill-kumpanija tat-tifel tagħha Ivan Zarb Ferrante, rebaħ premju internazzjoniali ftit minuti wara li missierha għadda għal ħajja ta' dejjem.

Il-film jittratta storja ta' anzjan li jispiċċa jgħix fis-solitudni waħdu sakemm jitlef ħajtu. Il-film sar sabiex iqajjem aktar kuxjenza dwar l-anzjani tagħna u l-importanza li ma nħalluhomx weħidhom anke f'dan iż-żminijiet. Missier Graziella, Robert kien sfortunat biżżejjed li kellu jgħaddi minn dan kollu hu minħabba s-sitwazzjoni preżenti.

"Ħadna sehem f’festival ta’ films qosra b'5am l-aħħar produzzjoni tagħna. Missieri kien l-attur ewlieni f'dan. Huwa għamilha b’ħafna sagrifiċċju imma kien jieħu pjaċir jagħmel dan għax huwa kien iddedikat li jqajjem kuxjenza dwar dawk li jmutu waħedhom - xi ħaġa li fl-aħħar spiċċa għamel hu ukoll."

Bint Robert tgħidilna, "Irċevejna premju għal dan u ġejna avżati permezz ta' email mill-organizzaturi 5 minuti wara li missier ġie ddikjarat mejjet." Missierha miet proprju f'għeluq snin ommha u l-familja kollha kienet miġbura flimkien.

Huma qasmu magħna wkoll filmat ta' diversi memorji ta' Robert. Filmat li żgur ħa jibqa' ta' tifkria mill-isbaħ għall-familja kbira tiegħu. Aħna f'isem it-tim ta' Gwida.mt, insellmu l-memorja ta' Robert u ngħaddu l-kondoljanzi tagħna lill-qraba kollha.


Emil Calleja Bayliss