Dr. Michelle Castelletti hija d-direttriċi artistika tal-festival, The Three Palaces. Aħna ta' Gwida.mt tkellimna magħha u skoprejna aktar dwar dan il-festival interessanti. Dr Castelletti tgħidilna li l-idea ta’ dan il-festival oriġinat tmien snin ilu mid-direttriċi ta' Festivals Malta Annabel Stivala. L-imħabba li  Dr. Michelle Castelletti għandha lejn it-Three Palaces Festival hija evidenti, u tistqarr li dejjem titpaxxa bl-arkitettura u l-patrimonju storiku li għandu x'joffri pajjiżna. 

"Il-wirt u l-arkitettura ta' Malta huma inkredibbli u jiddispjaċini ħafna li ngħaddu minn quddiem postijiet u lanqas biss nindunaw l-istorja sabiħa li għandhom," tgħidilna fl-intervista. Għal min iħobb il-kultura, l-arti u l-arkittettura ta' Malta dawn kollha ser ikunu magħqudin flimkien ġo festival li ser idum għaddej għaxart’ijiem u jibda għada, il-Ġimgħa 6 ta' Novembru u jibqa' għaddej sal-15 ta' Novembru.

Skip Ad in 5 seconds Skip Ad

L-idea wara l-festival The Three Palaces, bdiet biex isiru prestazzjonijiet fil-palazzi madwar Malta u b'hekk dak li jkun, ikun aktar espost għall-wirt li għandu x'joffri pajjiżna. Kull sena dan il-festival beda jikber u jevolvi maż-żminijiet. Din is-sena, minħabba s-sitwazzjoni preżenti, dan il-festival ser isir kollu kemm hu b'mod diġitali u ser jixxandar fuq il-kanal ta' YouTube ta' Festivals Malta.

Dr. Castelletti tgħid li minn dejjem kien jogħġobha dan il-festival, "frixtu daqsxejn biex ma jkunx fuq mużika klassika biss, imma jkollu arti ġenerali u nużaw aktar minn tliet palazzi. Nużaw postijiet sbieħ li aħna l-Maltin għandna."

Fl-intervista Dr. Castelletti ssemmi ħafna prestazzjonijiet interessanti addattati għal kulħadd. Wieħed jista' jinnota li ħasbu għal programm divers b'ħafna forom ta' arti ġo postijiet impressjonanti kemm minn Malta u anke fl-Ingilterra.  "Hemm ħafna affarijiet differenti li b'xi mod jew ieħor ser jolqtu lil kulħadd," tagħlaq tgħidilna Dr. Michelle Castelletti.

Wieħed jista' jidħol fuq is-sit ta' Festivals Malta billi jagħfas HAWN għal aktar informazzjoni. Tajjeb ukoll li żżommu aġġornati permezz tal-paġna ta' Facebook li tistgħu żżuru HAWN u anke fuq il-kanal ta' Youtube tagħhom li tistgħu taċċessaw HAWN. Dan l-ispettaklu ħa jkun qed jixxandar fit-20:30 ta' filgħaxija permezz ta' dawn il-mezzi diġitali!


Gwida.mt