Iċ-ċkejken li seraq il-qlub tal-Maltin u l-Għawdxin ta' kull età fl-2017 bis-silta Dawra Tond li biha rrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest Gianluca Cilia, għamel ir-ritorn televiżiv tiegħu fil-kompetizzjoni Brillanti Singers.
Kellu biss għaxar snin meta rrappreżenta lil Malta fi Tbilisi l-Ġorġja u minn hemm Gianluca qatt ma ħares lura. Sena wara din l-esperjenza daħal għall-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ u rnexxielu jirbaħ il-festival bil-kanzunetta Ħaġar Qim.
Iżda wara li rnexxielu jirbaħ żewġ festivals lokali, l-isfida kienet x'ħa jagħmel fil-kamp tal-ispettaklu. Sena minnhom Gianluca rritorna bi dwett ma' Yulan Law fil-Malta Junior Eurovision bis-silta Deck of Cards li kienet niżlet tajjeb immens ma' diversi ammiraturi u wara ddeċieda li jiffroka aktar fuq l-arti tad-drama.
Hu kien involut f'diversi spettakli mużikali inkluż Il-Qfil u l-Ħelsien skont Manwel Dimech, Oliver Twist u Sweeney Todd fejn dejjem kellu partijiet ewlenin. Issa li għalaq sittax-il sena, u jista' jikkompeti mal-kbar, Gianluca ddeċieda li jagħmel ir-ritorn tiegħu fi Brillanti Singers fejn ħalla lill-ġurija tal-istess programm impressjonati bit-talent uniku tiegħu.
Hu mhux biss kanta, iżda għażel ukoll li jakkumpanja lilu nnifsu bil-pjanu. Tul dawn l-aħħar snin, hu ħa ħsieb li jiffroka wkoll fuq id-daqq tal-pjanu fejn għamel diversi eżamijiet biex ikompli jippreferezzjona l-ħila tiegħu u jikber bħala artist komplut. Il-ġurija ta' Brillanti għarfu li qed jaraw talent speċjali quddiemhom.
Aħna se nħallukom tgawdu l-verżjoni ta' Jealous tiegħu ħalli taraw kif dan it-tifel ċkejken, sar ġuvni b'talent mill-isbaħ fejn żgur mhux forsi se nisimgħu ħafna aktar dwar fix-xhur li ġejjin.
Facebook / Gianluca Cilia