L-2020 kienet sena ferm eċitanti għar-rivista GWIDA. Il-qarrejja daħlu fiċ-ċans li jirbħu €1000 fi flus kontanti. Kulma kellhom jagħmlu hu li jimlew il-kupuni li kienu joħorġu ma’ kull rivista.

F’dawn il-kupuni staqsejna diversi mistoqsijiet marbutin mal-GWIDA u ser inkunu qed nippubblikaw l-istħarriġ li għamilna fix-xahar li ġej. Stħarriġ interessanti li ser naraw hu dwar liema hu l-aktar preżentatur popolari, liema programm jaraw l-aktar il-qarrejja u liema drama jsegwu l-aktar. Dawn fost aktar mistoqsijiet ta’ interess u gossip.

Sal-aħħar ta’ Diċembru rċevejna eluf ta’ sottomissjonijiet u r-rebbieħa kienet is-sinjura Rachel Chircop minn Ta’ Xbiex. Xħin ċempilna lil Rachel ħasbet li kienet xi ċajta, biss meta għedniela bir-risposti li kienet hi stess kitbet fil-kupuni bdiet tinduna li hi kienet ir-rebbieħa tal-€1000 fi flus kontanti. L-ewwel ħaġa li qaltilna kienet, “Bdejtuli s-sena mill-aqwa; is-sena l-oħra rajna ħafna affarijiet negattivi jiġrulna sfortunatament”. B’hekk imtlejna b’ferħ kbir li għall-inqas lil Rachel għamilnieha kuntenta ferm.

 

Rachel hija mara ta’ 34 sena. Qaltilna li kienet ta’ kuljum tara l-bulettin mediku ta’ Charmaine Gauci fuq TVM. L-aktar ħaġa li tieħu pjaċir tagħmel fil-GWIDA hija t-tisliba għax issibha ferm interessanti, imma qaltilna li l-kontenut jogħġobha kollu. Id-drama favorita tagħha hija Division 7 u tħobb tara wkoll il-programm ta’ Mark Laurence Zammit L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa. Biss il-preżentatur l-aktar li jogħġobha hu Ron ta’ Serataron. Rachel hija wkoll omm u qaltilna li jekk uliedha jkunu jridu jsiefru barra biex jistudjaw tħallihom bla problemi ta’ xejn. Fuq kollox qaltilna li mis-6 rivisti li ħriġna fis-sena 2020 kollha għoġbuha u għalqet bil-kliem, “Proset tal-affarijiet interessanti li jkun hemm fil-GWIDA. Il-festi t-tajba”.

 

Proset Rachel u grazzi talli ħadt sehem. Bħalissa fil-GWIDA għaddejja kompetizzjoni oħra li tista’ trebbaħ lilek ukoll €1000 fi flus kontanti. Kulma trid tagħmel hu li ġġemma’ l-kupuni li ser joħorġu mar-rivista GWIDA fl-ewwel Ħadd ta’ kull xahar, u fil-31 ta’ Diċembru 2021 tibgħathom fl-indirizz tagħna. Tgħid min ser ikun ir-rebbieħ? Mhux tajjeb tirbaħ €1000 jew?

L-edizzjoni ta' GWIDA li jmiss toħroġ fis-7 ta' Frar!


Anthony Baldacchino