Waqt il-programm tal-bieraħ Nisa Ta' Suċċess, il-preżentatriċi Elaine Sammut preparat sorpriża għall-ħabiba kbira tagħha u l-kantanta li tkanta s-sigla tal-programm, Gloriana Arpa Belli.

Fil-fatt flimkien mar-raġel ta' Gloriana, il-Maestro Aurelio Belli, ħejjiet messaġġ mingħandu għaliha, b'sorpriża! Aurelio fi kliem ta' tifħir, jisħaq li Gloriana hi kollox fil-familja, u hi sostenn kbir għalih u għall-familja kollha.

"Bħalissa għaddejjin minn żminijiet kemm kemm diffiċli... Gloriana hi l-mara li żżommna dejjem hemm", jgħid Aurelio. Fil-fatt Aurelio dal-aħħar kien qed jaffaċċja żminijiet iebsin li jinsab jissielet kontrihom ukoll bis-saħħa tal-appoġġ ta' Gloriana u l-familja kollha. Minn qalbna nagħmlulu kuraġġ! 

Fl-aħħar programm...

Fil-fatt ilbieraħ waqt il-programm 𝐍𝐢𝐬𝐚 𝐭𝐚' 𝐒𝐮𝐜̇𝐜̇𝐞𝐬𝐬, Elaine kellha lil Helen Micallef. Helen twieldet f’Birkirkara fis-sena 1950. Bdiet il-karriera tagħha bħala solista fl-età ta’ 16-il sena u sena wara rebħet il-Best Interpretation b’Io di Notte waqt festival.

Kif ħafna żgur ma nsewx, ta’ tmintax.-il sena Helen ġiet l-ewwel fil-Malta Song Festival u ta’ 21 sena, fl-1972, intgħażlet biex tkanta ma’ Joe Cutajar il-kanzunetta L-Imħabba fil-Eurovision Song Contest ta' dik is-sena.

Il-kantanta Gloriana, Mary-Louise u Vanessa huma t-tlett ulied ta' Helen. Helen tgħix biex tara lill-familja tagħha kuntenta. Ilbieraħ stajna nsiru nafuha ferm iktar mill-qrib filwaqt li anke kellha diversi sorprizi lesti għaliha u għal uliedha!


Kyle Zarb