Malcolm wieħed minn dawk il-personalitajiet li jħobb tassew il-Milied u mhux l-ewwel darba li tkellem dwar l-importanza u s-sinifikat ta' dan il-jum għalih. Hu wieħed li jħobb it-tiżjin u tassew jarma bl-isbaħ mod possibbli. Hu jħaddan diversi tradizzjonijiet li ċertament ħa tiskopru aktar dwarhom f'dan l-artiklu.

Malcolm, int fan kbir tal-Milied. Minn fejn nibtet din l-imħabba kbir għal din il-festa u dan il-perjodu?

Missieri minn dejjem nafu delettant kbir tal-Milied, mill-aħħar ta’ Ottubru u bidu ta’ Novembru jibda jarma d-dar ftit ftit biex fil-25 ta’ Novembru nixgħelu d-dar! Allura bla ma rridu aħna l-familja kollha għandna ħafna mħabba kbira għall-Milied, iktar ma bdejna nikbru iktar bdejna niddellettaw fit-tiżjin u mill-bidu ta’ Ottubru nibdew niddiskutu x’ser inżidu jew x’ser inbidlu.

Apparti dan kollu – f’dawn iż-żminijiet nipprovaw nagħmlu l-almu tagħna biex insibu iktar ħin flimkien ħalli ngawdu dawn il-ġranet bħala familja.

Meta tibda tarma d-dar u ġieli jkun hemm min jgħidlek li bdejt kmieni mmens u ddum sabiex iżżarma kollox?

Fl-aħħar ta’ Ottubru nibda bis-siġra tal-Milied, li fiha sular u tintrama 360° - tintrama minn kull naħa prattikament u naqsamha fuq jumejn biex inlestiha kollha, biss biss fiha madwar tlett elef bozza u biex nagħmel id-dawl biss nieħu l-isbaħ sitt sigħat.

Naħseb illum il-ġurnata kulħadd sar jibda kmieni jarma u nieħu pjaċir immens nara dan l-entużjażmu!

Biss iva meta kont iżgħar ġieli kienu jgħiduli ‘ġa bdejtu?’, ‘u le, kmieni wisq għadna Novembru!?’ – imma l-punt hu dan! Narmaw minn qabel ma jfissirx nixgħelu mill-aħħar t’Ottubru, imma kull ġimgħa nagħmlu ħaġa ħaġa biex inlaħħqu u nżommu mat-tradizzjoni familjari li fil-25 ta’ Novembru nixgħelu d-dar.

Ma’ min normalment tqatta’ din il-ġurnata speċjali u xi jkun il-pjan tal-ġurnata?

Dejjem tkun ġurnata familjari – kull Milied dejjem qattajnieh flimkien – jien kull sena nirrifjuta x-xoghol biex f’kemm lejliet, jum il-Milied u f’lejliet l-ewwel tas-sena nkun mal-familja.

Nemmen li nkun ilni sena b’tant impenji mużikali f’dawn il-ġranet il-familja tiġi l-ewwel qabel kollox.

Nimmaġinaw li tħobb il-kanzunetti tal-Milied. Minn meta tibda tisma’ dawn il-kanzunetti u hemm xi wħud li verament tħobb? Din is-sena ħriġt xi ħaġa speċjali – xi tgħidilna fuqha?

Ħafna ħafna nħobbhom, il-kanzunetti il-klassiċi tal-Milied għal qalbi wisq! Bħal pereżempju: – It’s beggining to look a lot like Christmas jew It’s the Most Wonderful Time of the Year – wisq jimluni b’ferħ.

Nibda nisma’ ftit ftit waqt li nkunu qed narmaw però minn dik il-ġurnata li nixgħelu d-dar id-diski tal-Milied kuljum ikollna playlist fl-isfond matul il-ġurnata kollha sal-aħħar ġurnata tal-festi – is-sitta ta’ Jannar – l-Epifanija.

Merry Merry Christmas hija il-kanzunetta ġdida li nedejt għal dawn il-festi tal-Milied, wara s-suċċess li kelli bil-kanzunetta Christmas Star fis-snin li għaddew bi produzzjoni ta’ Rudden Beanz mir-Renju Unit, xtaqt li din is-sena naħdem fuq it-tieni kanzunetta tal-Milied.

Flimkien mat-tim muzikali tiegħi fl-Italja u Matt Muxu rnexxielna nagħmlu kanzunetta melodjuża mmens u li fiha rnexxielna ndaħħlu ħafna titli popolari ta’ kanzunetti oħra tal-Milied ta’ kull żmien.

Merry Merry Christmas ġiet akkumpanjata b’vidjo mużikali grazzi għat-tim tiegħi Clive Pace, Emanuel Pace u Rita Pace li flimkien dejjem jirnexxielna noħorġu l-elementi kollha possibbli biex din il-kanzunetta tkun kompluta.

L-atturi prinċipali kienu familjari, it-tfajla tiegħi Kim Cutajar, in-neputi tiegħi Kyle Pisani flimkien ma’ Shezneia Attard u kif ukoll ma jonqosx il-mistieden speċjali il-Malta Santa Klaws.

Hemm xi tradizzjonjiet li tipprova żżomm ħajjin sena wara sena f’dawn iż-żminijiet?

Il-quddiesa ta’ nofsillejl, l-istilla fuq is-sigra tal-Milied, nibqgħu mżejnin u niċċelebraw sal-jum tal-Epifanija (is-6 ta’ Jannar) u li f’jum il-Milied waqt il-ħin tat-te jinqasam il-kejk tradizzjonali tal-Milied li ta’ kull sena nsajjar għal jum il-Milied flimkien mal-familja kollha.

Hu jagħlaq b'messaġġ lill-qarrejja tagħna, "Minn qiegħ qalbi nawgura ħafna saħħa, imħabba u paċi lil kulħadd u ħafna rispett u onestà lejn xulxin. Awguri speċjali tmur lilkom Gwida.MT tas-sapport kontinwu tagħkom, lill-familja kollha tiegħi, it-tfajla tiegħi, lil ħbieb u dawk kollha li jsegwuni u jissapportjawni tul il-karriera tiegħi – Il-Milied u s-Sena t-Tajba."


Emil Calleja Bayliss