Nafu kemm Mark ta’ Xarabank huwa ambizzjuż! Dejjem jkollu tir biex jagħmel xi ħaġa kbira. Din id-darba xejn anqas, Mark bħalissa jinsab “probabilment fl-aktar pajjiż korrott u perikoluż fid-dinja, li fih jinqatlu nies bl-aktar mod aħrax għall-aktar raġunijiet banali”. Mark qed jirreferi għall-Korea ta’ Fuq. Pajjiż li mhux faċli tidhol fih aħseb u ara toħroġ minnu. Pajjiż “fejn kważi kulħadd bil-ġuħ u trid taqta' xagħrek bilfors b'wieħed minn 15-il stil approvati mill-Gvern” kompla żied Mark.

Imma x’inhu jagħmel hemm?

Mark huwa żgħażugħ reliġjuż u ġie magħżul flimkien ma’ żewġ żgħażagħ oħra mill-Oratorju Don Bosco t'Għawdex. Mark flimkien ma’ dawn iż-żewġ żgħażagħ ser ikunu qedgħin jitolbu għall-paċi!

“Għall-Knisja, li ilha mijiet ta' snin titlob għall-paċi kullimkien, il-Korea ta' Fuq qiegħda ’l fuq sew fil-lista ta' pajjiżi li l-aktar għandhom bżonn talb urġenti għall-paċi. Għalhekk, il-Knisja Kattolika u l-Gvern fil-Korea t'Isfel għamlu organizzazzjoni kbira bit-tama li xi darba jaslu li jsibu l-paċi bejn iż-żewġ Korei u l-bqija tad-dinja. U qed jorganizzaw pellegrinaġġ internazzjonali taż-żgħażagħ mal-fruntiera bejn il-Korea ta' Fuq u l-Korea t'Isfel. Għexieren ta' żgħażagħ minn madwar id-dinja jiltaqgħu l-Korea t'Isfel u jimxu u jieħdu sehem f'ħafna attivitajiet f'dik li jgħidulha d-Demilitarized Zone, li hija ż-żona li tmiss mal-Korea ta' Fuq u tifred iż-żewġ pajjiżi minn xulxin. Din hija l-eqreb li xi ħadd jista' jersaq lejn il-Korea ta' Fuq”. - Mark Laurence Zammit

Allura Mark se jitlob biss?

“Il-pellegrinaġġ fih ħafna mixi, laqgħat, tixbit mal-blat u għawm fix-xmajjar. Huwa magħmul biex ikun avventura għaż-żgħażagħ, imma fl-istess ħin okkażjoni ta' riflessjoni”. - Mark Laurence Zammit

Mark jgħidilna li jaf li diffiċli ħafna jġibu l-paċi peró jixtieq jara xi tfisser gwerra mill-aktar post viċin possibli. Mark jistqarr li “Aħna (il-millenials) twelidna f'reġjun tad-dinja waqt l-itwal żmien ta' paċi li qatt rat l-umanità. Ma nafux x'inhi gwerra u ma nafux x'inhu għaks, u dik ħaġa tajba. Imma minħabba li qatt ma doqna l-morr, ma nistgħux napprezzaw il-ħelu daqs kemm japprezzawh in-nanniet tagħna, pereżempju. Tifhimnix ħażin; minix qed nixtieq li twelidt fil-gwerra, u ma rridx immur il-Korea biex immiss mal-periklu, imma mhix idea ħażina li kultant tersaq lejn in-nar, kemm tħoss is-sħana tiegħu. Kemm tifhem li kont fortunat biżżejjed li ma twelidtx ġo fih. Kemm tiftakar li ommok u missierek ħarġuk minnu, u kemm tiftakar li jekk ma toqgħodx attent, jaf terġa' ddaħħal lit-tfal tiegħek fih”.

Aħna ta’ Gwida.mt nawguraw lil Mark f’din l-avventura tiegħu u j’Alla jikseb dak li jixtieq!

Mark Laurence Zammit / Facebook


Anthony Baldacchino