Fir-raba staġun ta’ Iċ-Ċaqqufa qed naraw sitwazzjoni fittizja, iżda li daqt tista' ssir realtà f’pajjiżna wkoll. Benna, omm Rose Iċ-Ċaqqufa, marida b’kanċer terminali. Taf li ma fadallhiex ħafna u tagħżel li tmut mewta assistita minflok ma toqgħod tistenna l-mewt tiġi fuqha. Ir-reazzjonijiet għal din id-deċiżjoni huma mħallta. 

L-awtur tas-sensiela għażel li jdewwaq lill-Maltin b’din is-sitwazzjoni biex ikompli jqajjem dibattitu. F’Malta mhux kulħadd jaqbel mal-ewtanasja iżda l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika magħmul mill-istatista Vince Marmara fl-2021 wera li 52.6% tal-Maltin huma favur waqt li 20.7% għadhom mhux deċiżi.

Iffaċċata bir-realtà tal-marda tagħha, Benna trid li tkun hi li tagħżel id-destin tagħha u mhux tibqa' tbati sakemm tmut. Salvu, issieħeb tagħha u missier Rose u Nina, ma jaqbilx u qed jagħmel minn kollox biex Benna tbiddel il-ħsieb.

Benna ma tridx tgħid lil Rose għax peress li hi tabiba kapaċi twaqqafha. Interessanti d-dettal li nsibu fiċ-Ċaqqufa f’dan ir-rigward. Dan għaliex l-awtur jagħtina mudell Skandinavu ta’ kif issir l-ewtanasja. Għalkemm din hija storja fittizzja, id-dettalji huma qrib ħafna tar-realtà u dak li jiġri f'każijiet hekk.

GWIDA.mt għandha informazzjoni esklussiva li Benna se jkollha tidher quddiem board ta’ tliet tobba li se jkunu huma li jiddeċiedu jekk l-applikazzjoni tagħha tintlaqax jew le. Ovvjament, dan se jqajjem diżgwit fil-familja Debono, li diġà mhix nieqsa mill-kontroversji.

Kieku xi ħadd qrib tiegħek jixtieq li jagħmel ewtanasia inti x’tagħmel? Tħallihom u taqbel magħhom, jew tipprova timblokkhom u tikkonvinċihom ikomplu l-ġlieda għall-ħajja?

Għalik tagħmel differenza bejn pazjenti terminali u nies oħra li mhumiex? Kulħadd għandu jkollu dritt li jtemm ħajtu meta jrid jew għandu jkollna eċċezzjonijiet u regoli stretti?

Dawn huma ftit mill-mistoqsijiet li jqumu fir-raba' staġun ta’ Iċ-Ċaqqufa li qed jixxandar esklussivament fuq TOKIS fuq GO TV. Jekk għadek ma rajtx l-ewwel erba' episodji tista' ssibhom on demand fuq TOKIS.


Gwida.mt