Iż-żagħżugħ ta’ 21 sena li safa vittma ta’ ħabta fatali fis-Swieqi ftit tal-jiem ilu ġie identifikat bħala Ben Laferla. Bosta huma xxukjati li Ben tilef ħajtu wara dak li seħħ erbat ijiem ilu.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.30 ta' filgħodu fl-24 ta’ Settembru tul Triq il-Madliena fis-Swieqi wara li sewwieqa ta’ 17-il sena tilfet il-kontroll tal-vettura u ħabtet ma’ ħajt. Is-sewwieqa kienet taħt l-età permessa bil-liġi biex issuq.

Fil-karozza magħha kien hemm ukoll żewġ passiġġieri oħra, Żvizzera ta’ 20 sena residenti s-Swieqi u tfajla ta’ 19-il sena miċ-Ċilì, residenti San Ġiljan.

Il-karozza kienet vettura GoTo li ħabbru li l-operazzjoni tagħhom f'pajjiżna ħa tieqaf fl-aħħar tax-xahar. Numru ta' nies qajmu mistoqsijiet serji dwar kif persuna taħt l-età mingħajr liċenzja setgħet taċċessa l-app u l-vettura.

Wieħed ġa jista' jara numru ta' messaġġi jsellmu lil Ben. Ommu l-għażiża qasmet ritratt ta' meta Ben kien żgħir u kienu fuq ferrovija. F'isem it-tim ta' Gwida.mt, ngħaddu l-kondoljanzi lill-familja u lill-ħbieb kollha ta' Ben. Nittamaw li jsibu s-sabar wara din it-telfa xokkanti għalihom.

Strieħ fis-sliem għażiż.

Facebook / Ben Laferla


Emil Calleja Bayliss