Minn Mario fi Strada Stretta għal X Factor. Ben Camille ikellimna dwar l-esperjenza tiegħu fi Strada Stretta fejn jgħid li iħoss li għenitu jikber u jiżviluppa. Nitkellmu dwar l-esperjenza tiegħu f'X Factor u x'inhuma l-ħsibijiet tiegħu dwar dan il-programm li fl-ewwel sena tiegħu kiseb tant suċċess. Iżda l-akbar prijorità ta' Ben bħalissa nibtet ftit xhur ilu fejn sar missier għall-ewwel darba. Jgħid ukoll li l-imħabba li ħass kif żamm għall-ewwel darba lit-tarbija Elle f'idejh kienet xi ħaġa li qatt ma ħass bħala. U kif qed jaġixxu l-klieb tagħhom Ġina u Simba għal dan it-tibdil?
Ben, ftit hur ilu sirt missier għall-ewwel darba. Kif tiddeskrivi l-mument li żammejt għall-ewwel darba lit-tarbija Elle?
M’hemm l-ebda kelma li tiddeskrivi dan il-mument. Huwa l-forma pura t’imħabba veru. Qatt ma’ ħassejt xi ħaġa hekk f’ħajti kollha!
Kif jgħidu, m'hemm l-ebda ktieb jew istruzzjonijiet li jippreparawk biżżejjed għal ċerti esperjenzi u kapitli ġodda, madanakollu, għamilt xi tip ta' riċerka minn qabel biex tinforma ruħek aktar dwar it-twelid u l-kumplament?
Naturalment in-nies meta jiltaqgħu miegħi jkellmuni fuq l-affarijiet li nkun qiegħed nagħmel u affarijiet li nkun għaddej minnhom f’ħajti. Din id-darba xejn inqas, in-nies qegħdin ikellmuni fuq it-trobbija tat-tfal. Ta’ min insemmi li Kristina għamlet ħafna riċerka u l-korsijiet imtella’ mill-qwiebel jgħinu mmens. Wieħed ta’ min isemmi u jirringrazzja lin-nanna Carina u n-nanna Anita (Omm Kristina). L-għajnuna tagħhom m’għandhiex prezz.
Naturalment, twelid ta’ tarbija iġib miegħu tibdil fl-istil tal-ħajja u aktar responsabilità. Kif qed tħarsu lejn dan il-vjaġġ li għadkom kif bdejtu?
Il-pedament ta’ kull relazzjoni soda hi l-komunikazzjoni. Jien u Kristina konna eċitati mill-ewwel mument li sirna nafu li se nsiru ġenituri. Inbidlitilna ħajjitna, bla dubju għall-aħjar.
Fuq il-midja soċjali qamet daqsxejn ta' polemika dwar ritratt partikolari fejn hemm int mingħajr flokk mat-tarbija Elle. X'inhi r-reazzjoni tiegħek dwar dan?
Kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu u jien nirrispettaha dejjem.
Fil-familja issa qegħdin ħamsa, għaliex intom għandkom żewġt iklieb Ġina u Simba, li tqisuhom bħala t-tfal tagħkom. Kif qed jirreaġixxu għall-membru ġdid tal-familja?
Protettivi, qabel ma ġiet it-tarbija ħriġna l-pushchairs u kollox sabiex il-klieb ixommu u jindunaw bil-fatt li ġej membru ġdid.
Tħoss li Strada Stretta kien strumentali għas-suċċess tiegħek kemm fir-reċtar u anki fil-midja inġenerali?
Strada Stretta tista’ tgħid li għeni nikber u niżviluppa. Wieħed jista’ jgħid li din l-esperjenza esponietni għall-bqija ta’ Malta. Din il-produzzjoni għadha tiġi meqjusa bħala waħda mill-aqwa drama Maltin li qatt saru. Kburi li kont parti minnha.
Liema kienet l-isbaħ xena u l-aktar xena diffiċli li kellek tagħmel waqt Strada Stretta?
Ix-xena fejn il-karattru interpretat minni kellu jtemm ir-relazzjoni tiegħu ma’ Bianca. Fuq is-sett kien hemm kesħa xxoqq l-għadam, kienet xena emozzjonali ħafna.
Dan l-aħħar kont qed tippreżenta l-X Factor. X'kienet l-ewwel reazzjoni tiegħek kif ġejt avviċinat biex tippreżenta dan il-programm li kien tant mistenni?
Din kienet waħda mill-aqwa esperjenzi ta’ dejjem, il-fatt li tkun il-preżentatur ta’ waħda mill-aqwa franchises fejn jidħol televiżjoni, kif ukoll minħabba l-fatt li uħud mill-aqwa nies fix-xena tal-midja ngħaqdu f’dan il-proġett. Kien tassew unur li naħdem ma’ dawn in-nies ta’ talent kbir.
Minkejja li din hi l-ewwel sena ta' X Factor, irriżulta li hu l-aktar programm segwit mill-istazzjonijiet kollha ta' kull ħin. Int personali, kont tímmaġina li se jintlaħaq dan is-suċċess?
L-isem hu li hu. Nemmen li kienet xi ħaġa naturali li dan iseħħ. Biss meta t-tim sar jaf, lanqas ridna nemmnu li wasalna, li rnexxielna!
Fl-opinjoni tiegħek, l-għan ewlieni ta' X Factor qiegħed jintlaħaq?
Bla ebda dubju! Il-fatt li tara nies ġodda, li ħadd qatt ma sema’ bihom u tarahom jaslu fażi wara fażi, tinduna kemm il-programm hu b’saħħtu u li l-għan ewlieni tiegħu qiegħed jintlaħaq. Apparti minn hekk, kienet esperjenza tal-ġenn meta tara li kantanti stabbiliti indunaw li dan il-programm se jagħtihom pjattaforma ikbar.
Ikun hemm drabi li ma taqbilx mad-deċiżjonijiet li jieħdu l-ġurija?
Ovvjament kulħadd għandu opinjoni personali, u kulħadd għandu l-gosti tiegħu, biss bħal kull ħaġa fid-dinja, inħallu f’idejn l-esperti li bla ebda dubju jafu x’inhi l-viżjoni tal-programm u jafu fejn iridu jwasslu lill-artisti tagħna.
X’inhi l-akbar sfida li għandek fil-ħajja tiegħek?
Bħal ta' kwalunkwe ġenitur, li ssib bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja!
Hemm xi pjanijiet ġodda għal Ben Camille?
Ingawdi lill-familja!
Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.
Instagram / @ben.camille