Ta’ min jintefa’ kollu fil-baħar Malti biex nikkumbattu s-sħana tremenda għaddejja – imdawrin bih wara kollox, għala le? Għaldaqstant, għadha tinstab theddida tassew notevoli fl-ibħra tagħna, li aħna lkoll diġà wisq familjari magħha: il-bram.

It-tilwima tal-ġens Malti kontra l-fittaġni tal-bram madwar xtutna aktarx ilha għaddejja qabel ma nbnew it-tempji megalitiċi meta konna għadna qed inqimu l-mara l-ħoxna. Ħafna u ħafna snin wara, u għadna għaddejjin b’din l-istess ġlieda bla heda, u l-probabbiltà li tittaffa hija wisq aktar ċkejkna.

Beach

Flickr / Berit Watkin

Minkejja li qed insofru xemxata wara l-oħra, jeħtieġ li noqogħdu attenti f’liema bajja niddeċiedu nbillu saqajna, sakemm m’aħniex midħla ta’ xi tingiża jew tnejn mhux mistennija. Malta Weather, fuq il-mappa tagħhom li tindika liema bajjiet fihom il-bram, illum jimmarkaw ħafna bajjiet li mhumiex xierqa għal għawma tajba.

Minħabba x-xejriet tal-mewġ u r-riħ, bosta bajjiet, speċjalment dawk fil-punent u n-nofsinhar ta’ Malta, huma mhedda bil-preżenza tal-bram: dawn jinkludu Għajn Tuffieħa, Golden Bay u Paradise Bay, u saħansitra wkoll Pretty Bay u Wied iż-Żurrieq. F’Għawdex, bajjiet bħax-Xlendi, Mġarr ix-Xini u Marsalforn ukoll jidhru li huma ta’ periklu.

Beach

Flickr / Flavio Ensiki

Min-naħa l-oħra, bajjiet bħal San Tumas u l-bajja ta’ San Pawl jidhru li huma sikura mingħajr theddida ta’ bram, inklużi r-Ramla l-Ħamra, San Blas, u Daħlet Qorrot f’Għawdex.

Tajjeb li naċċertaw li ma jkunx hemm xi infestazzjoni qabel ma nerħulha għal x’imkien!

Flickr / Heini Samuelsen; prilfish


Kurt Gabriel Meli