Gwida.mt tkellmet ma’ Colin Micallef, ir-raġel li flimkien ma’ ibnu ta’ 17-il sena Zak għaddew minn esperjenza qarsa u diffiċli immens f’Jannar li għadda meta marru bil-kayak fuq il-baħar. 

Fil-fatt kellhom inċident ikrah fejn spiċċaw jissieltu biex isibu l-għajnuna ħa jirritornaw fuq il-bajja. Colin u ibnu dejjem ikunu preparati permezz ta’ żraben apposta (ankle boots), ingwanti apposta, bilge pump, dry bags fejn ipoġġu ikel u ħwejjeġ għal li jista’ jinqala. 

Bejn Lulju 2021 sal-ġurnata tal-inċident marru kayaking ħames darbiet. “Dejjem nimxu mal-kosta, ma noħorġux ħafna ‘l barra, għax dejjem iffissat li jekk tinqala’ xi emerġenza, nkunu viċin il-kosta.” 

Colin jirrakkonta dak li ġara fit-23 ta’ Jannar, meta marru bajja ta’ San Tumas, fejn il-baħar kien bellezza.Jgħidilna kif bdew jaqdfu u ħarġu barra mill-bajja ta’ San Tumas viċin is-sikka li jkun hemm madwar il-baħar. Meta qasmu bejn is-sikka, sabu ruħhom fil-mewġ u l-kurrent.

gf

“F’daqqa waħda, jekk ngħidlek x’laqat lili u lit-tifel ma nafux. Imma sibna ruħna litteralment taħt il-baħar. Jien lit-tifel dak il-ħin ma rajtux.” 

Colin jiftakar li spiċċa bil-kayak fuq rasu, waqt li l-kurrent beda jiġbdu u jsabbtu mas-sikka taħt il-baħar, u beda jipprova jżomm mal-blat li kien hemm u jgħajjat lil ibnu Zak. Wara xi ħin lemħu n-naħa l-oħra tas-sikka jipprova jara kif ħa jsalva l-kayak, però qallu biex jgħum lejh ħalli jkunu siguri.

“Dakinhar, xi ħaġa li ssoltu ma nagħmilhiex, ma qabbadtx il-mowbajl mal-ġakketta. Waqali fil-baħar, u waqagħli n-nuċċali tal-vista, u kelli bżonn mowbajl, għax kont naf x’inhu ġej.” 

“Meta pruvajna nitilgħu mal-blat, il-mewġ beda jsabbatna, fil-fatt jien u t-tifel spiċċajna b’irkuptejna kollha demm…hemm taħt il-blat huwa litteralment xfafar. Infatti kieku ma kellniex il-ġakketta ta’ salvataġġ, l-ingwanti, u l-ankle boots, kieku aħna mqattgħin biċċiet.”

gf

Ma kellhomx għażla oħra, u biex jagħmlu kuntatt mal-art, Colin kellu jmur iġib il-mowbajl ta’ ibnu mill-kompartament ta’ wara tal-kayak (il-bluna) tiegħu, li kienet in-naħa l-oħra tal-blat. “Biex immur għal kayak ta' Zak, kelli ndur mas-sikka, u ngħaddi minn fuq xifer ta’ sular għoli biex immur għan-naħa l-oħra.”

Sadanittant huma kienu serrħu l-kenura (oranġjo) ta’ Colin mal-blat, u ibnu qagħad magħha. “Beda jgħajjatli ‘Pa, attent għax jekk taqa’ ħa tmut hemm.’ Imma kelli nagħmilha, ma kienx hemm mod ieħor.” 

Colin jispjega kif xħin wasal ħdejn il-kenura tat-tifel, il-mewġ beda jagħmilha impossibbli wisq, u saħansitra reġa’ spiċċa sabbtu mal-blat. Irnexxielu jtella' l-kayak ta' Zak fuq il-blat.

Kellu jerġa’ jmur ħdejn il-kenura tiegħu biex jieħu d-dry bag bl-affarijiet li salvaw, u waqt li ibnu jsegwieh, flimkien jixxabbtu max-xifer għal ħdejn il-kayak tat-tifel n-naħa l-oħra.

“Għidtlu għamel il-passi li nagħmel jiena, ħalli ħadd ma jaqa’ u jweġġa’. Il-Bambin reġa’ semagħna, u għamilnieha sa ħdejn il-kenura tat-tifel.” 

Spiċċaw itertru bil-bard u Colin jgħidilna li kienu qrib li jaqgħu hypotermia, fejn it-temperatura tal-ġisem tinżel inqas milli sippost. 

gf

Minnufih ċemplu fuq 112 fejn il-pulizija għaddewh maċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet tal-AFM u staqsewh jekk kinux imweġġgħin. Qalilhom li kellhom tbenġil u brix.  Infurmawh li ħa jibgħat patrol boat biex isalvawhom. Kif waslet il-patrol boat, il-Master avża lil Colin li ser jaqbeż rescue diver għalihom.

" ‘Ħa jiġi r-rescue diver, ħa jgħum għalikom, għax ovvjament ma nistgħux niġu viċin is-sikka.’ Ir-rescue diver jaqbeż, jiġi viċin il-blat, u sfortunatrament ikaxkru l-mewġ. Barax irkupetjh waħda tajba! Dawn nies b’saħħithom u trenjati, ma tax kas u reġa’ tela’ fuq il-blat ħdejna.”

Ir-rescue diver ra li m'hemmx mod ieħor għajr li jgħumuha sal-patrol boat, hu flimkien ma' Colin u ibnu. Colin spjegalna kif ir-rescue diver staqishom jekk kellhomx biżżejjed nifs u humiex f'kundizzjoni li jgħumu sal-patrol boat.

Colin wieġeb li n-nifs tiegħu u tat-tifel kien biżżejjed biex jaslu sad-dgħajsa, u ma kellux inkwiet minnu għax kien għawwiem tajjeb, li jitrenja kuljum, u mn’alla! 

Tefgħu id-dry bags wara daharhom, u t-tlieta li huma spiċċaw jgħumu qalb il-mewġ, fejn ir-rescue diver kontinwament inkoraġġihom. FL-aħħar irnexxielhom jaslu fuq il-patrol boat.

Colin jispjega li kienu vera f’riskju li jaqgħu hypotermia, hekk kif hu beda jbiddel il-kulur. “Għattewna malajr bil-foil blankets u lożor, biex il-ġisem kemm jista’ jkun iżomm sħun.” 

gf

Il-Master flimkien mal-kru tiegħu kontinwament bdew jiċċekjaw il-kundizzjoni ta' Colin u Zak. Għaġġlu kemm setgħu biex l-ambulanza tkun tista' tieħu lil Colin u lil ibnu Zak fl-isptar għall-osservazzjoni u l-kura li hemm bżonn.

Malli rmunkaw mal-moll ta’ Wied il-Għajn sabu l-ambulanza u l-protezzjoni ċivili jistennewhom. Tul il-vjaġġ fl-ambulanza lejn l-isptar, it-tim mediku kollu kontinwament bdew jiċċekkjaw l-kundizzjoni ta’ Colin ta' ibnu. 

Kontinwament bdew jiċċekjawlhom il-glucose billi jtaqqbulhom subajhom. Sadanittant ibnu Zak kien diga bid-dripp minn xħin waslu fuq il-moll minħabba livell baxx ta' glucose. L-isptar f’Area 1 Colin ingħata d-drip minħabba li kienu sabuh dehydrated.

Sas-18:30 baqgħu għaddejjin bit-testijiet, u Colin u ibnu bagħtuhom lura d-dar malli l-ġisem deher li kien f’kundizzjoni tajba. Minnufih ikkuntattja lil martu biex jgħidilha dwar x’ġara, u minnufih marret teħdilhom il-ħwejjeġ biex ibiddlu. 

gf

“Kif tista’ timmaġina dak il-lejl jien ma rqadt xejn”, kompla jgħidilna Colin dwar din l-esperjenza kerha immens. Jisħaq li wara dan kollu xtaq li juri l-gratitudni tiegħu lejn il-Mulej, li kien magħhom ħin kollu biex baqgħu qawwijin u sħaħ.

“Jien mort ir-Redentur mat-tifel tiegħi u tlabna biex nirringrazzjaw lil Alla li għadna ħajjin. Kieku dakinhar meta qalibna l-mewġ ħbatna rasna ma’ xi blata, ma tlajniex minn hemm!”

Colin jagħlaq l-intervista billi jgħaddi messaġġ minn din l-esperjenza “mhux biex [jaqta’] qalb in-nies.” 

“Napprezzaw kemm għandna nies li lesti jgħinu lil ħaddieħor fis-salvataġġ, li huma l-pulizija ta’ Malta, il-forzi armati ta' Malta, il-protezzjoni ċivili, u t-tim tal-emerġenza ta’ Mater Dei. Aħna kellna dawn in-nies kollha magħna, u għamlu magħna l-aqwa possibli. Ma setgħux jagħmlu aħjar.”

Colin jgħaddi messaġġ biex minflok dejjem nikritikaw lil dawn l-eroj kollha, imma napprezzawhom għal xogħolhom. 

“Napprezzawhom mhux nikritawhom. Meta tkun fl-istorja u tkun esperjenzajtha, tkun taf kemm dan-nies ikunu jfissru għalik. Allaħares m’hemmx huma. Jagħmlu dan il-ġid kollu man-nies, u qatt ma jissimmew.”

It-tieni punt ta’ Colin kien messaġġ għal dawk li huma mħajjra jipprattikaw kwalinkwe sport. Jisħaq li jinkoraġġixxi li jipprattikaw id-delizzji tagħhom, mhux biss kayaking, iżda jisħaq dwar l-importanza li jieħdu l-prekawzjonijiet kollha li hemm bżonn.

“Meta bniedem lest jibda sport, speċjalment fuq il-baħar, jieħu l-korsijiet neċessarji u jkollu l-apparat kif suppost. Jien fis-sajf kont fuq il-baħar hemm barra, u nara kayakers mingħajr ġakketta ta’ salvataġġ. Din hi ġennata sfrenata! Kif tista’ toħroġ hemm barra mingħajr life-vest”

gf

“Jekk tinqabad fil-baħar, bix-xokk u bl-għejja, il-baħar ħa jniżlek. Nħeġġeġ lin-nies biex jibdew kayaking, għax hu sport mill-isbaħ. Iżda importanti li wieħed jagħmel kors bażiku fil-bidu, jixtri l-apparat meħtieġ u jkun jaf x’għandu jkollu miegħu, u jgawdi l-isport. It-temp irid ikun jafu kif suppost. Jiċċekkja minn fejn ġej ir-riħ, ħalli jmur f’postijiet fejn ma jaħkimx.”

Colin jispiċċa billi jgħid, “Nixtieq ngħaddi din l-esperjenza mhux biex noħroġ ta’ eroj, iżda biex ħaddieħor ma jgħaddix minn dak li għaddejna aħna. Hi trawma u esperjenza kerha ħafna!” 

Minn qalbna nirringrazzjaw lil Colin li qasam din l-esperjenza iebsa li għadda minnha hu u ibnu f’Jannar li għadda. Grazzi u prosit tal-messaġġ ċar u b’saħħtu li għadda, li ċertament kapaċi jkun ta’ ġid għal min jitħajjar jipprattika dan l-isport.

Colin Micallef


Kyle Zarb