Aktar tard din is-sena stennew il-karattru ta’ Batwoman biex jitfaċċa fuq it-televiżjoni. Batwoman l-ewwel tidher fl-episodju Elsewhere li se jkun maqsum fuq tliet puntati u li jissokta minn puntata għall-oħra f’The Flash, Arrow u Supergirl biex imbagħad jgħaddi għal serje fejn hi se tkun il-protagonista assoluta.

View this post on Instagram

A post shared by Ruby Rose (@rubyrose) on

Din mhix l-ewwel darba li kien hemm puntati crossover bejn dawn it-tliet sensiliet imma l-iskop ta’ din id-darba hu biex mill-interess li jiġġeneraw bejn il-fans ta’ din is-sensiela jkunu qed jintroduċu l-karattru ta’ Batwoman li se jkun l-ewwel wieħed b’natura lesbika fuq l-iskrins tat-televiżjoni.

Il-parti ewlenija se tkun qed tinterpretaha Ruby Rose li hi magħrufa aktar għas-sehem tagħha f’sensiliet bħal Orange is the New Black, li tasal fi tmiemha din is-sena kif ukoll f’films bħal Resident Evil: The Final Chapter (2016), xXx: Return of Xander Cage (2017), John Wick: Chapter 2 (2017), Pitch Perfect 3 (2017), The Meg (2018) kif ukoll se narawha fil-film John Wick 3: Parabellum, li se joħroġ aktar tard din is-sena.

View this post on Instagram

A post shared by Ruby Rose (@rubyrose) on

Kate Kane hi l-persuna li fil-fatt hija Batwoman. Il-kostum tagħha jinkludi parrokka b’xagħar aħmar li jagħmilha diffiċli għal dak li jkun biex jagħraf l-identità tagħha.

Il-karattru tagħha twieled fil-komiks tad-DC fl-2006 bħala parti mis-serje 52 iżda l-karattru ma kellux ħafna prominenza qabel l-2009 meta dehret bħala protagonosta fit-Detective Comic fejn kienet tinħass il-viżjoni tal-awtur Greg Rucka u l-artist J.H. Williams III.

View this post on Instagram

A post shared by Ruby Rose (@rubyrose) on

Hija l-ewwel supereroj lesbika u l-ewwel waħda li tkun omosesswali fl-istejjer tal-Batman. Hija wkoll l-ewwel karattru omosesswali li joħroġ bħala protagonista fil-komiks tad-D.C.

Kate hija l-kuġina ta’ Bruce Wayne, jew aħjar Batman. Missierha huwa ħu omm Bruce. Kate hi waħda minn tewmin li twieldu lill-koppja li tkun fil-militar. Meta kellha 12-il sena Kate, flimkien ma’ ommha u oħtha t-tewmija, sfaw maħtufa minn terrorist li kien qatel kemm lil ommha kif ukoll lil oħtha.

Dan wassal biex Kate trabbi l-qoxra u tħares lejn il-ħajja minn lenti differenti. Biex tonora l-memorja ta’ ommha, saħanistra nkitbet fl-armata. Iżda ma tantx kellha ħajja hemm meta kisret il-kodiċi tal-kadetti għax irrifjutat li tigdeb dwar l-orjentazzjoni sesswali tagħha biex tipproteġi l-karriera tagħha.

View this post on Instagram

A post shared by @batwoman_ita on

Emozzjonalment imkissra, Kate tibda tagħtiha għax-xalar kif ukoll għas-sewqan u tlielaq tal-karozzi sakemm darba minnhom saret taf b’Batman u minn hemm tispira ruħha li setgħet tagħmel xi ħaġa differenti f’ħajjitha.

Bħas-sensiela Batman, Batwoman se tkun ambjentata fil-belt ta’ Gotham. S’issa għajr Ruby Rose għadhom ma tħabbrux aktar atturi li se jieħdu sehem fis-sensiela iżda hu magħruf li l-ewwel staġun se jikkonsisti fi 23 puntata.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Instagram / @batwoman_ita


Frederick Zammit