Ir-ristorant Irrera li jinsab ġewwa Ta' Xbiex ħa jkun qed jagħlaq il-bibien tiegħu għal dejjem fl-aħħar ta' dan ix-xahar. F'messaġġ fuq il-paġna uffiċjali tagħhom ta' Facebook huma kitbu, "Avviż lill-klijenti kollha tagħna. Huwa b’qalbna tqila li rridu nħabbru li minħabba ċirkostanzi mhux previsti se nkunu qed nagħlqu l-bibien tagħna għall-aħħar darba dan ix-xahar (Mejju)."

Huma jżidu, "Nittamaw li naraw kemm jista' jkun minnkom fl-aħħar jiem tagħna. Dan il-kapitlu ta’ ħajjitna se jintemm b’mod permanenti nhar il-Ħadd 28 ta’ Mejju. Aħna kburin b'dak li ksibna fis-snin li għaddew. Nirringrazzjaw lill-klijenti kollha tagħna, speċjalment lil dawk leali għall-appoġġ kontinwu tagħhom matul is-snin li għaddew. Kien tassew il-pjaċir tagħna li naqdukom!"

Huma jkomplu, "Fl-aħħar nett, grazzi lill-istaff leali tagħna, tal-passat u tal-preżent talli kontu parti minn dan il-kapitlu inkredibbli ta' ħajjitna. Sinċerament nirringrazzjawkom għal darb'oħra għan-negozju u l-appoġġ ġentili tagħkom u żgur ser nimmissjawkom."

Huma jtemmu, "Grazzi talli intom tant klijenti mill-isbaħ! Nawguralkom l-isbaħ xewqat u jalla l-mogħdijiet tagħna jerġgħu jiltaqgħu! Aħna grati għal dejjem, il-management tal-IRRERA."


Emil Calleja Bayliss