Ħafna jafu lil Malcolm Pisani bħala kantant iżda hemm ukoll min jiftakru fl-irwol ta' preżentatur. Fl-iskeda tas-sajf, Malcolm għamel ir-ritorn tiegħu fil-qasam televiżiv bħala preżentatur permezz tal-programm D BBQ SHOW li qed jipproduċi flimkien mat-tfajla tiegħu Kim.
Aħna kellna ċ-ċans li nkellmuh ftit dwar din l-esperjenza u rajna jekk niskoprux xi ħaġa dwar il-pjanijiet futuri ta' Malcolm, kemm f'dan il-qasam u wkoll fil-karriera tal-kanta. Araw x'kellu xi jgħidilna!
X’ħajrek biex tagħmel dan ir-ritorn?
Wara l-esperjenza sabiħa li kelli nippreżenta Fil-Kċina ma’ Malcolm - madwar 7 snin ilu, minn dejjem bqajt b’dik ix-xewqa li xi darba nerġa' nagħmel ir-ritorn tiegħi. Grazzi għat-tfajla tiegħi Kim Cutajar, tagħtni s-sapport kollu possibbli billi din id-darba mhux biss qed nippreżenta imma flimkien bnejna programm li minn sempliċiment idea ġie realtà.
Inħossuna ferm kuntenti bir-rispons li qed nirċievu mis-segwaċi tagħna... l-iskop prinċipali tagħna kien li kemm jista' jkun ikun programm ta' divertiment u nolqtu l-iktar aspetti li l-Maltin tant iħobbu – l-ikel u dik il-kurżità ħelwa fuq il-personalitajiet li ta’ kull ġimgħa jkollna magħna.
Iddeċidejtu li tmorru għal programm divertenti. Min fejn ħarġet l-idea ta’ dan il-programm u x’wassal li tmorru għal dan il-ġeneru ta’ programm?
Il-kċina nħobbha ħafna, anke l-fatt li kont nippreżenta programm tal-ikel bqajt dejjem nixtieq li jekk xi darba nerġa' nirritorna lura nkun fi programm relatat mal-ikel.
Iż-żmien li bħalissa kulħadd għaddej minnu minħabba l-pandemija t-tfajla tiegħi u jiena xtaqna li l-produzzjoni għalkemm tkun relatata mal-kċina nżidu l-aspett ta’ divertiment billi ndaħħlu l-personalitajiet jikkompetu kontra xulxin, niżvelaw kurżitajiet fuqhom u fl-aħħar u mhux l-inqas żidna l-famuża qabża bil-ħwejjeg b’kollox għal minn jitlef.
Anke l-fatt li għażilna l-ġurnata tal-Ħadd għamilna dan bi skop, bħalissa qed ngħixu s-sajf Malti bla festi u għalhekk xtaqna li l-Ħdud tas-sajf ikunu ta' kumpanija għat-telespettaturi li jsegwuna, nitgħallmu riċetti ġodda ta’ x'wieħed jista' jsajjar fuq BBQ waqt li fl-istess ħin nieħdu gost flimkien mal-personalitajiet li jaċċettaw l-istedina tagħna u naraw il-kapaċità tagħhom fis-sajran.
Ma nistgħux ma nsaqsukx. Int tħobbhom ħafna l-BBQs?
Jien delittant tal-kċina ġenerali u fuq il-BBQ fis-sajf l-hena tiegħi nsajjar, it-togħma tal-ikel fuq il-grilja toġgħobni ħafna... biss, bħal ma' ħafna jafu l-iktar li nħobb insajjar il-ħelu.
Kellkom feedback mit-telespettaturi. X’qed jgħidulkom dwar il-programm?
Ir-rispons huwa tal-ġenn! Konna sorpriżi ħafna bl-ammont ta' messaġġi u kummenti li rċevejna u dak li aħna xtaqna finalment – li nkunu ta’ kumpanija u li segwaċi jieħdu pjaċir magħna.
Għandkom mistiedna diversi personalitajiet. Kienu sportivi l-personalitajiet li kellkom fuq il-programm jew kien hemm min ma rridx jixxarrab akkost ta’ kollox?
Nistgħu ngħidu li għandna l-creme de la creme u kollha kienu sportivi u kollha ħadu pjaċir jikkompetu kontra xulxin... pruvajna kemm jista’ jkun il-personalitajiet ikunu jafu lil xulxin ħalli l-chemistry ta’ bejnietom tkun iktar interessanti – saħansitra f’programm minnhom il-personalità li rebħet ingħaqdet mat-tellief u qabez hu wkoll bħala sapport.
Ħafna jafu lil Malcolm bħala kantant. Għandna nistennew aktar mużika minn Malcolm jew ħa nibdew narawh aktar fuq it-televiżjoni fl-irwol ta’ preżentatur?
Nammetti li dan is-sajf qegħdin imħabbtin immens bil-programm – hemm sigħat twal ta’ xoghol biex minn ġimgħa għal ġimgħa jkun jista' jintwera – aħna bħala koppja responsabbli ta’ din il-produzzjoni u bħala l-ewwel proġett tagħna nixtiequ li kemm jista’ jkun dejjem jidher l-aqwa possibbli u għalhekk ħajjitna bħalissa qiegħda priorità fuq il-programm.
Biss mil-att mużikali jien u t-tim tieghi tal-produzzjoni Taljana għażilna flimkien il-kanzunetta li jmiss biex inniedi - jekk Alla jrid għal din is-sena tinħareġ fil-bidu tal-ħarifa.
Għandna nistennew aktar produzzjonijiet televiżivi mingħandek u t-tim tal-produzzjoni fl-iskedi li ġejjin?
Iva, it-tfajla tieghi Kim u jiena fil-ħsieb li din il-produzzjoni la tkun biss tal-ewwel u l-anqas tal-aħħar – għandna ħafna ideat u proġetti f’moħħna għax-xhur li ġejjin!