Debbie Scerri - kantanta li m’għandha bżonn tal-ebda intrroduzzjoni fl-isfera tal-mużika Maltija. Fit-28 ta’ Mejju li għadda nediet silta ġdida: “Jien mill-Ġdid’ – kanzunetta mill-isbaħ li żgur li għandha tirriżulta f’suċċess liema bħalu.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-mużika u l-kant?

Minn meta kont żgħira dejjem kont esposta għall-mużika u t-teatru, mill-familja u anke l-iskola. Ta' sitt snin bdejt nistudja l-vjolin u kelli xi opportunitajiet fejn daqqejt fil-pubbliku, filwaqt li l-iskola dejjem kont inkanta fil-kor u nieħu sehem fid-drama. L-imħabba għall-arti dejjem baqgħet tikber fija.

Bdejt inkanta bħala solista ta' 22 sena bl-ewwel debutt fil-musical ‘Erwieħ' ta' Zep Camilleri u Peter Paul u Antoine Galea, li tagħha saru 10 rappreżentazzjonijiet fl-Awditorju ta’ Sant'Agatha fir- Rabat. Jien kelli l-parti prinċipali t'Orfeja. Minn hawn nixtieq infakkar l-memorja ta' Zep li kien hu li tani l-opportunitá u emmen fija.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek fil-kant sa issa.

Minn dik l-ewwel darba għaddew 29 sena. Lanqas naf kif u nista' ngħid li kienet esperjenza eċċezzjonali li ġabitli ħafna suċċessi kif ukoll ħafna tagħlim u esperjenzi sbieħ anke barra minn xtutna. L-aħħar waħda kienet proprju f'Settembru 2019, ftit qabel ma faqqgħet il-pandemija, fejn tajt kunċert f'San Francisco fl-Istati Uniti għall-Maltin. Il-kant u l-mużika huma n-nifs li bih jien ngħix għaliex anki f'sitwazzjonijiet diffiċli, eżempju ċar, bħalma għaddejna din l-aħħar sena, il-mużika żżommni għaddejja u ffukkata u tagħtini komfort.

U meta ħadt sehem fil-Eurovision Song Contest bid-diska 'Let me Fly' lura fl-1997 meta dakinhar kellek id-deni, hux hekk?

Hekk hu, imma kif jgħid tajjeb il-mibki Freddie Mercury ‘The Show Must Go On' u hekk kelli nagħmel jien. Xorta kienet esperjenza sabiħa u indimentikabbli li ġabitli d-disa’ post. Illum żgur ma jħallukx tkanta bid-deni, imma jibgħatuk għal swab test u kwarantina!

Int irnexxielek titrażmetti l-imħabba tiegħek lejn il-kant u l-mużika lit-tifla tiegħek Nicole.

Mill-ġuf Nicole dejjem kienet esposta għall-muzika għaliex jien qatt ma waqaft inkanta, allura nistgħu ngħidu li l-mużika u l-arti kienet imdawra bihom u hi mill-ewwel bdiet turi interess. Jien nemmen li qatt m'għandek tisforza lit-tfal f'dak li tridhom jagħmlu int; tiggwidahom iva imma imbagħad tħallihom jagħżlu huma.

Nicole bdiet il-ballet ta' tliet snin, imbagħad ta' sitt snin il-pjanu u wara ġie l-kant. Kollha għadha tagħmilhom b'passjoni, allura jidher li tħobbhom u ma toqgħodx mingħajrhom. Is-sena li għaddiet gradwat fil-Psikoloġija mill-Universitá ta' Malta u issa qiegħda tagħmel Masters fil-Psikoterapija Gestalt.

Int tifforma parti wkoll mill-Animae Gospel Choir. X'inhi l-esperjenza tiegħek f'dan il-kor?

Sfortunatament l-artisti l-aktar li ġew affettwati mill-pandemija f'din l-aħħar sena, allura għal raġunijiet ovvji ma stajniex inkomplu niltaqgħu. Nittamaw li nerġgħu nkomplu fejn ħallejna ma ndumux.

L-esperjenza f'Animae hija indeskrivibbli, għaliex l-emozzjonijiet huma kbar ħafna. Barra minn hekk huwa kontinwament vjaġġ sabiħ ta' tagħlim grazzi għad-Direttriċi Pamela Bezzina. Animae Gospel Choir huwa t-tieni familja tiegħi.

Taħseb li fil-futur tkun tista' taħdem esklussivament bħala kantanta? U kemm hu diffiċli li tagħmel dan f’Malta?

Kieku ridt stajt għamilt hekk, imma x-xogħol l-ieħor tiegħi fiċ-ċivil jagħtini sodisfazzjon. Jien naħdem l-Arkivji Nazzjonali ta' Malta u l-istorja kif ukoll il-preservazzjoni tal-memorja kollettiva tagħha taffaxxinani. Huwa importanti li aħna nippreservaw l-identitá tagħna u dak li jagħmilna Maltin anke fejn jidħlu l-mużika u l-kulturá tagħna.

Dan l-aħħar kien diffiċli ħafna, l-artisti l-aktar li batew.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol u l-kant?

Dejjem sibt bilanċ, nagħmel iż-żewġ affarijiet u importanti li nagħmilhom sew it-tnejn. Tajjeb li ngħidu li importanti hija l-familja wkoll u li ma tittraskurahiex. Għalhekk l-ippjanar tal-ġurnata huwa essenzjali.

Ġieli jgħaddilek minn rasek li tmur tgħix barra minn Malta sabiex ikollok iktar opportunitajiet?

Jien twelidt il-Kanada u kieku ridt, stajt mort, imma lil Malta u l-familja nħobbha ħafna. L-ambizzjoni qatt m'għamlet bija u dejjem kont kuntenta li nagħmel xi esebizzjoni barra minn xtutna u nerġa' lura hawn.

Għidilna ftit fuq l-aħħar proġett.

Iva, fil-fatt wara l-Festival ‘Mużika Mużika’, fejn ġejt mistiedna biex ningħaqad ma’ Danica Muscat u ninterpretaw silta minn tiegħi, l-għażla waqgħet fuq 'Kif se Ntir' - il-verżjoni bil-Malti ta' Let me Fly' miktuba minn Alfred C. Sant. Meta din tant intlaqgħet tajjeb minn nies, nibtet l-idea li nagħmel xi ħaġa ġdida bil-Malti.

Kien hawnhekk li flimkien mal-kompożitur u awtur bravu Jason Xuereb li ħdimt miegħu fil-passat, twieldet is-silta 'Jien mill-Ġdid', arranġament mużikali ta' Jason Xuereb u Andrew Zammit. Magħna kien hemm ukoll iċ-ċellist ta' talent, Stelios Pittas. Din tnediet fit-28 ta' Mejju li ghadda flimkien ma' video muzikali maħdum minn Victor Abela u fotografija ta' Matthew Cutajar.

Minn hawn nixtieq nirringrazzja lit-tim kollhu li ħadem miegħi, bħal stilisti ta' ħwejjeġ, xagħar u make-up u dawk kollha li ssapportjawni. Ħajr ukoll lil Mro Sigmund Mifsud, Direttur tal-MPO u l-artist Chris Ebejer u l-media kollha.

X’inhu l-futur ta’ Debbie Scerri?

Jien inħobb ngħix ġurnata b'ġurnata u dak li jiġi merħba bih. Nittama li l-Mulej iħallini nibqa' nkanta sal-aħħar nifs ta' ħajti.

Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-kant u l-mużika.

Importanti li qatt ma tieqaf toħlom u tibqa' tiġri wara dak li tixtieq tagħmel, qatt ma tieqaf titgħallem u tiskopri affarijiet ġodda u l-iktar ħaġa importanti li tibqa' saqajk mal-art.

Intervista li ġiet ippublikata l-ewwel darba fuq ir-rivista GWIDA ta’ Lulju minn Cristian Muscat.

Facebook / Matthew Cutajar


Emil Calleja Bayliss