Ike u Kaya rebħu l-Malta Junior Eurovision u b’hekk ser jirrappreżentaw lil Malta f’Pariġi dan ix-xahar – proprju fid-19 ta’ Diċembru! Min-naħa ta’ dawn it-tnejn kollox hemm lest u preparat biex jesebixxu l-kanzunetta tagħhom My Home biċ-ċans li jirbħu dan il-festival prestiġġjuż.

Il-kanzunetta, My Home titkellem fuq dawn it-tnejn, li jiġrilhom x’jiġrilhom dejjem ikunu hemm għal xulxin. Ike jgħidilna, “Għalhekk il-kanzunetta tagħna jisimha hekk għax aħna d-dar ta’ xulxin!”. My Home nkitbet minn Owen Leuellen u l-Muxu, filwaqt li l-mużika hija ta' Cyprian Cassar. <>

Kif ħassejtukom dakinhar li rbaħtu?

Ike: Lanqas nista’ nispjega x’ħassejt eżatt! Li naf kont ferħan ħafna u ma ridtx nemmen li rbaħna.

Kaya: Dakinhar li rbaħna ma stajniex nemmnu. Konna qisna ġo ħolma. Kienet xi ħaġa li ħdimna ħafna għaliha u rnexxiet.

Kif timmaġinawha d-dar tagħkom u fejn?

Ike: Nimmaġina li jkolli dar naqra kbira u komda. Nagħżel li nibqa’ noqgħod il-Belt Valletta.

Kaya: Nixtieq li la nikber, id-dar tiegħi tkun kbira, bil-pixxina u nkun nista’ nagħmel kamra għall-kant biex inkompli b’dak li nixtieq.

X’qalulkom sħabkom tal-iskola l-għada li rbaħtu?

Ike: Ferħu ħafna miegħi. Kif rawni sa għamluli kartolini u kitbuli messaġġi sbieħ fuqhom!

Kaya: Meta dħalt l-iskola kulħadd ġie fuqi biex jgħidli proset! Bdew jgħajtu u lanqas kelli ċans niekol fil-break, għax ridt inlaħħaq ma’ kulħadd biex jawgurali.

X’inhuma l-preparamenti issa għall-Junior Eurovision?

Ike: Issa li għamilna l-vidjow mużikali, għaddejjin b’ħafna lezzjonijiet u studju biex inkunu preparati għal dik il-ġurnata.

Kaya: Bħalissa għaddejjin bil-preparamenti, provi, u ħafna affarijiet. Niltaqgħu kuljum mal-għalliema tagħna biex nipprattikaw il-kanzunetta u biex inkunu preparati għal meta tasal il-ġurnata.

Qatt mortu Pariġi jew din ser tkun l-ewwel darba?

Ike: Iva ġieli mort Pariġi. Togħġobni ħafna u ħerqan biex nerġa’ mmur.

Kaya: Jiena l-ewwel darba li sejra Pariġi. Ħerqana ħafna għax minn dejjem xtaqt immur.

X’ser tieħdu bħala lucky charm meta tmorru hemmhekk?

Ike: Bħala lucky charm ħa nieħu domna ta’ Ta’ Pinu u ritratt ta’ ħija ż-żgħir, Kly, għax dak id-dinja tiegħi.

Kaya: Bħala lucky charm jien ħa nieħu santa tal-bużnanna tiegħi, l-istess lucky charm li żammejt miegħi meta kantajna fil-Junior Eurovision hawn Malta. Għamiltha fil-but tal-libsa u dejjem nitlobha qabel ma noħroġ fuq l-istage biex titlob għalija u tibqa’ miegħi. Naf li kienet tkun ħerqana meta jkolli xi festival.

Issa ilkom tafu lil xulxin. Għamiltu xi ħaġa tad-daħk bejnietkom?

Ike: Ħafna ħafna għamilna praspar! Waħda minnhom hi li konna għamilna bħala prank call lin-nanna ta’ Kaya f’xis-siegħa ta’ filgħodu taparsi ġie d-delivery man ġabilha l-pizza!

Kaya: Għamilna ħafna praspar fosthom, niftakar u nidħaq kull darba li nsemmiha. Meta xtrajna l-ħelu li jkunu togħma mhux normali (ħżiena ħafna) u biex naqbdu man-nanniet tagħna, ġegħelniehom jikluhom u kienu ħżiena ħafna!

Liema kienet l-isbaħ esperjenza s’issa tagħkom?

Ike: Esperjenza li tibqa’ tiġri miegħi hija meta l-idolu tiegħi, Owen Leuellen, qalli biex nieħu sehem fil-vidjow tiegħu u kont ferħan ħafna. Esperjenza sabiħa immens hija tal- Malta’s Got Talent li wasalna sal-finali u ġejna fir-raba’ post, u l-ikbar esperjenza ħa tkun li ħa nitilgħu nirrappreżentaw lil pajjiżna.

Kaya: L-isbaħ esperjenza tiegħi hi meta rbaħt San Remo u tlajt fl-2019 u ġejt l-ewwel barra minn Malta. Kif ukoll meta ma’ Ike għaqqduna flimkien fil-Malta’s Got Talent u bqajna tilgħin sal-finali u ġejna fir-raba’ post. Ovvjament l-ikbar u l-isbaħ esperjenza hija din; li rbaħna u ħa nirrappreżentaw lil Malta din is-sena.v

X’tixtiequ għall-Milied u xi jfisser għalikom?

Ike: Għadni ma vvintajt xejn s’issa. Għadni ma nafx x’nixtieq eżatt għal dan il-Milied. Imma l-Milied inħobbu ħafna u jġibli ferħ kbir.

Kaya: Il-Milied ifisser ħafna, inħobbu ħafna għax festa li tgħaqqadna bħala familja. Nixtieq ħafna affarijiet għall-Milied imma l-aktar importanti huma l-paċi, is-saħħa u l-barka.

Għandkom pjanijiet flimkien għas-sena l-ġdida?

Ike: Bħalissa qed niffukaw fuq il-Junior, però pjanijiet hemm imma ma nista’ niżvela xejn għalissa.

Kaya: Iva għandna ħafna pjanijiet imma għalissa ħa nżommu kollox sorpriża.

Din l-intervista dehret fir-rivista tagħna tax-xahar ta' Diċembru. 


Anthony Baldacchino