Studju li sar barra minn xtutna jikkonferma modi kif wieħed jista' jagħmel il-parti tiegħu biex il-vaċċin kontra l-Covid-19 issaħħu bl-aħjar mod. 

L-istudju ta' Glasgow Caledonian iħeġġeġ lin-nies biex iżidu aktar eżerċizzju fir-rutina u ma jintelqux, speċjalment wara li jkunu ħadu l-vaċċin. Skont dan l-istudju l-eżerċizzju u li bniedem ikun attiv, iżid b'50% iċ-ċans ta' ammont sostanzjali ta' antibodies fil-ġisem wara l-vaċċinazzjoni u li jkollu sistema immunitarja tajba. Min ma jkunx attiv u jitgħażżen, hemm ċans li ma jkollux l-istess ammont ta' antibodies daqs min iżomm ruħu attiv. 

L-Università tħeġġeġ biex kemm jista' jkun indaħħlu fir-rutina tagħna 30 minuta ta' attività ħamest ijiem fil-ġimgħa, biex innaqsu r-riskji li nimirdu b'mard u influwenzi. Fil-fatt l-istudju wera li persuna attiva jkollha 37% aktar ċans li tevita influwenzi. Peress li l-Covid-19 għadha qed tirrenja fil-maġġor parti tad-dinja, jeħtieġ li lkoll nagħmlu l-parti tagħna u nibżgħu għal saħħitna anke permezz ta' metodi bħall-eżerċizzju konsistenti. 


Kyle Zarb