Tkellimna wkoll mal-kantanta lokali Raquel Galdes Briffa għall-intervisti tal-Milied! Raquel rajnieha l-aħħar waqt il-festival Mużika Mużika, fejn anke waslet sal-finali. Raquel tkellimna ħafna dwar diversi affarijiet li dejjem iżommuha ħerqana għall-festi tal-Milied. Issemmi wkoll xi memorji mit-tfulija! Dan hu Milied partikolari għal Raquel, hekk kif ħa jkollha lill-ewwel tarbija tagħha fil-familja, magħha.
Xi pjanijiet qiegħda tħejji għall-Milied tal-2021?
Din is-sena ħa jkun speċjali aktar minn qatt qabel! Bħal-lum sena sirna nafu li ħa jkollna tarbija, u dan l-ewwel Milied li ħa nqattgħu magħha. Aħna dejjem inqattgħu il-Milied mal-familja, din is-sena wkoll, nagħmlu l-ikla tal-familja. Inkunu familja biss inqassmu r-rigali lil xulxin. L-ikla tal-familja tkun parti importanti fil-Milied! Nippjana li fil-Milied filgħodu jew lejliet irrid nieħu ritratt, u nitfgħu fil-midja soċjali nawgura l-isbaħ xewqat eċċ! Imma dan l-ewwel Milied mal-familja tiegħi, tiegħi, mhux ma’ ommi u missieri. Dejjem intella’ ritratt mal-familja f’din il-ġurnata.
Xi jdaħħlek l-iktar fl-ispirtu tal-Milied?
Id-diski! Jiena naħdem mid-dar, allura nħalli l-mużika rilassanti fl-isfond waqt li nkun għaddejja. Inżejjen vera kmieni, li kien għalija nżejjen minn Ottubru, din is-sena f’Novembru… xorta tajjeb! It-tiżjin u d-diski ta’ l-iktar li jdaħħluni fl-ispirtu!
X’inhuma dawk l-affarijiet li tħoss in-nuqqas tagħhom f’dawn iż-żminijiet, li forsi kont tagħmilhom fit-tfulija u issa m’għadekx daqstant, jew affarijiet li forsi nbidlu?
Meta kont żgħira kelli ktieb taparsi ta’ Father Christmas, u kont inħobb noqgħod nagħżel ir-rigali, hekk taparsi rigal mingħand Father Christmas! Din is-sena kulħadd ħa jagħti r-rigali lit-tifla. Nimmisja l-pjaċir tar-rigali li ġej il-Father Christmas. Imma fil-verita l-ikla tal-Milied li konna nagħmlu qabel għadna nagħmluha. Kieku ttini l-għażla iva nixtieq għadni nemmen li bil-lejl ġej Father Christmas u ħa nara x’ħa jtini! Dik li nimmisja!
Liema kanzunetta tal-Milied tiddeskrivik l-iktar, u għaliex?
M’hemmx kanzunetta li tiddiskrivini l-aktar, però l-aktar artist li nħobb tal-Milied huwa Michael Buble. Fil-verita lilu nibda nisma’ mill-bidu nett tal-Milied, u nibqa’ nisimgħu sal-aħħar, u ndejjaq lil kull min ikun hemm, wisq nisimgħu. Hu jiddiskrivini l-aktar, imma m’hemmx diska partikolari.
Hemm xi ħaġa partikolari li ddejqek jew saret iddejqek f’dawn iż-żminijiet? Għaliex?
Le ta’! Diffiċli biex iddejjaqni xi ħaġa. M’hemm xejn li jdejjaq f’dawn iż-żminijiet, lanqas li qed isir kummerċjali ma ddejjaqni. Id-dinja qed timxi ‘l quddiem, u kull ħaġa qed issir kummerċjali, u huwa bżonn. Inkella kif ħa jimxu ‘l quddiem in-negozji? Ġifieri ma jdejjaqnix mill-att kummerċjali. Almenu n-negozji f’dawn iż-żminijiet jieħdu aktar ir-ruħ mill-kumplament tas-sena.
L-isbaħ rigal jew l-iktar ħaġa importanti li Raquel qatt jista' jkollha għall-Milied?
Onestament din l-ewwel sena li qisu qas nixtieq xejn għal Milied. Tant kemm kelli sena m’għandix x’ingerger, kelli t-tifla, kelli d-dar, lestejt il-Masters… Imma dawk l-affarijiet li xtaqt nagħmel meta nikber, qisu ġrawli din is-sena… baqagħli x’nagħmel ta’! Ħadt sehem Mużika Mużika wkoll! Kelli sena verament sabiħa. Fis-sens m’hemmx xi rigal li ngħid kemm nixtiequ. L-importanti għalija li jkolli lill-familja miegħi, magħquda, u li għandi anġlu d-dar, għandi lit-tifla tiegħi. Jekk xejn għal Milied nixtieq li nibqa’ hekk għal ħajti kollha!
Hemm xi messaġġ/appell partikolari li tixtieq tgħaddi lit-telespettaturi u segwaċi tiegħek?
Ħobbu lil xulxin, mhux issa biss imma s-sena kollha! Jien dejjem ngħidha din, kull sena jaf in-nies li xtaqt tistedinhom għall-ikla, forsi s-sena d-dieħla ma jkunux magħna, u jkollok dispjaċir ikbar. Dak li tixtieq tagħmel agħmlu, għax is-sena d-dieħla ma tistax tgħid inkunux għadna hawnhekk!
Nirringrazzjaw lil Raquel talli qattgħet ftit ħin titkellem magħna fl-okkażjoni tal-Milied! Minn qalbna nawgurawlha Milied hieni, lilha u lill-familja kollha tagħha!