Jazz Assemblea, inizjattiva ġdida minn NAPA – l-Aġenzija Nazzjoni għall-Arti Performattiva nħolqot sabiex tlaqqa’ l-komunita’ lokali tal-jazz u biex tonora l-bidu ta’ din ix-xena mużikali f’ Malta.

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet bejn l-10 u t-13 ta’ Ottubru 2024, is-swali ġewwa Spazju Kreattiv kienu mimlija mużiċisti u nies midħla tal-mużika jazz, fejn għall-ewwel darba seħħu numru t’ avvenimenti f’dan il-ġeneru mużikali taħt il-programm Jazz Assemblea. Il-programm multi - dixxiplinarju tnieda uffiċjalment ftit ġimgħat qabel, bil-ftuħ ta’ wirja tal-fotografija kkurata minn Ġużè Camilleri, fejn tirrakkonta l-istorja tal-bidu tal-jazz f’Malta. Din il-wirja, li fiha wkoll filmat qasir ta’ madwar 10 minuti dwar is-sassafonist Sammy Murgo f’sezzjoni apposta, ser tibqa’ miftuħa sad-29 ta’ Ottubru.

Il-programm laħaq il-qofol tiegħu b’sensiela t’avvenimenti fuq erbat iljieli, li kkonsistew f ’ kunċerti live, workshops u premiere tal-film. Is-sensiela bdiet il-Ħamis filgħaxija bil-premiere ippakkjat tad-docu-film “Strait Street to Abbey Road”, li titratta l-ħajja u l-karriera tad-drummer u perkussjonista Malti, Tony Carr - storja ta’ suċċess li fil-biċċa l-kbira tagħha kienet għadha ma ġietx irrakkontata. Il-film huwa bi produzzjoni ta’ SUGU taħt id-direzzjoni ta ’ Cedric Vella, ibbażat fuq bijografija ta’ Tony Carr miktuba minn Ġużè Camilleri. Wara li ntlaqa’ b’mod eċċellenti, dan il-film ser jerġa’ jintwera fil-5 ta ’Novembru, fl-istess ċinema ta’ Spazju Kreattiv.

Bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd il-palk ra aktar minn 40 mużiċist lokali tal-jazz mifruxa f ’10 atti, li paxxew udjenzi ta’ kull eta b’kompożizzjonijiet oriġinali, arranġamenti ġodda fuq xogħol rinomat u solos impressjonanti. Kull serata kien fiha erba’ atti differenti li wħud minnhom ikkollaboraw għall-ewwel darba għal din l-inizjattiva. Il-Ġimgħa fetaħ is-serata Dominic Galea Jazztet fejn indaqqu arranġamenti tal-kompożitur stabbilit Ray Agius – u kien Ray Agius stess li ssorprenda lill-udjenza billi ingħaqad mal-grupp u daqq żewġ siltiet warali kien ilu ħafna snin ma jdoqq.

Is-Sibt filgħodu l-post kien mimli attivita’, hekk kif is-sassofonist Carlo Muscat u d-drummer William Smith mexxew żewġ workshops tal-mużika, kull wieħed dwar l-istrumenti rispettivi tagħhom, lil grupp ta’ mużiċisti żgħar ferm entużjasti, li assorbew kull kelma li ħarġet minn fomm dal-mużiċisti professjonali. Kellna prestazzjoni mill-Little Big Band tal-iskola tal-mużika, immexxija minn Alex Bezzina u Philip Attard, li taw kunċert qasir imma memorabbli.

Dawn il-mużiċisti żgħar u promettenti huma prova mill-isbaħ li l-futur tal-mużika ta’ kwalita’ f’Malta f’idejn hija assigurata. Il-programm ta’ filgħodu ingħalaq b’lunchtime concert li għaqqad erba’ mużiċisti stabbiliti tal-jazz li għandhom karriera b’saħħitha wkoll barra minn xtutna ma’ għadd ta’ jazz bands differenti.

Dominic Galea mexxa panel ta’ diskussjoni mal-Mro Paul Abela, Philip Fenech u Alex Grech, fejn il-mużiċisti irrakkuntaw stejjer dwar ix-xena tal-jazz f’Malta fis-snin 70 u 80, żmien meta l-mużiċisti kienu jdoqqu fil-lukandi u jinġabru flimkien fil-klabb li kien tant popolari ma’ din il-komunita’ - il-BJs. Tkellmu wkoll dwar il-bidu tagħhom fix-xena mużikali, u l-influwenzi b’saħħithom li Charles Gatt, magħruf ic-City kellu fuq il-karrieri tagħhom. L-għan tad-diskussjoni kien li tiddokumenta l-istejjer ta’ dawn il-mużiċisti u x-xena tal-jazz f’ Malta.

Tlett iljieli mill-isbaħ ta’ mużika jazz fil-kumpanija ta’ mużiċisti u kantanti rispettati bħal Paul Giordimaina, Nadine Axisa, George Curmi l-Pusé, Mariele Zammit, Kris Spiteri, Vinny Vella Jnr, Joe Bibi Camilleri, Oliver Degabriele, Angela Vella Zarb, Carlo Muscat, u ħafna aktar waslu fi tmiem. Grazzi lill-Thomas Camilleri, li b ’mod grazzjuż ospita dawn is-serati, u stieden lill-udjenza għal jam session għall-għeluq tal-programm fejn numru ta’ mużiċisti kellhom l-opportunita’ li jdoqqu ma’ veterani f’dan il-qasam, kif ukoll ma’ oħrajn li għadhom qed jikbru fix-xena. Numru ta’ mużiċisti taw ukoll CDs tax-xogħol tagħhom li nbiegħu għal donazzjoni fi ħdan il-Malta Community Chest Fund, u nġabru €227.

Dominic Galea, il-Kap Eżekuttiv ta’ NAPA u l-ideatur wara din l-inizjattiva stqarr “Ninsab ferħan li dan il-proġett ħa l-ħajja bħala l-ewwel avveniment li qed torganizza NAPA, u huwa wkoll l-ewwel wieħed li qed iġib artisti lokali flimkien f ’din il-forma u kuntest. Bosta artisti esprimew kemm dan l-avveniment, speċifikament għall-jazz kien meħtieġ fost il-komunita’, anke għaliex ħares lejn dan il-ġeneru minn diversi angoli, fosthom il-wirja, id-diskussjoni, il-mużika fost ġenerazzjonijiet ta’ mużiċisti kif ukoll id-dokumentazzjoni. Ħafna artisti diġa qed jiddiskutu magħna dwar inizjattivi futuri.”

Din hija l-ewwel waħda minn dik li mistennija tkun sensiela t’avvenimenti ta’ dan it-tip minn NAPA, li tlaqqa’ flimkien il-komunita’ mużikali, teduka liż-żgħar, tirriċerka, tippreserva u tiddokumenta l-mużika u l-istejjer għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Jazz Assemblea, proġett tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Arti Performattiva, kien parti mill-Programm ta’ Spazju Kreattiv 2024-2025, b’ kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Arti nazzjonali Wirt, l-Arti, u Gvern Lokali, bl-appoġġ tal-Awtorita ’Maltija għat-Turiżmu (MTA) u l-APS Bank.


Gwida.mt