Gwida.mt tintervista lill-Assistent Kummissarju Anthony Cassar li rnexxielu jerġa jwaqqaf il-Banda tal-Pulizija wara li din kienet kompletament mejta.

Kemm ilek fil-korp tal-pulizija u kemm-il sena minnhom ilek tmexxi l-banda tal-korp?

Jien ilni fil-Korp tal-Pulizija mill-1986 jiġifieri tlieta u tletin sena.  Kont għadni kif ningaġġa fil-Korp meta ġejt mogħti f`idi t-tmexxija tal-Banda tal-Pulizija - jigifieri ilni tlieta u tletin sena wkoll fit-tmun tal-Banda tal-Pulizija.  Ovvjament il-Banda hija biċċa biss mid-dmirijiet tiegħi

Kif bdiet il-ħajra tiegħek li tmexxi din il-banda?

Il-Banda tal-Pulizija kien afdaha f`idejja l-Kummissarju ta` dak iż-żmien Dr Laurence Pullicino, meta kont għadni biss Kuntistabbli tal-Pulizija.  Kien għad kelli biss ħamsa u għoxrin sena.

Il-Banda dak iż-żmien kienet wieqfa u l-Kummissarju kien bgħat għalija fl-uffiċċju tiegħu.  Kien talabni sabiex nerġa` nwaqqaf il-Banda tal-Pulizija fuq saqajha mill-ġdid. Għalkemm kelli esperjenza ta` tmexxija ta' baned qabel, pero` kien għad ma kellix esperjenza ta` baned militari.  Minkejja dan, bl-għajnuna t`Alla xorta waħda rnexxieli nwaqqaf din il-Banda ghal darb`ohra fuq saqajha.

anthony

Facebook / Anthony Cassar

Apparti li int is-surmast tal-banda, iddoqq xi strument? U jekk iva għadek iddoqqu minħabba l-impenji kbar tiegħek?

Kont indoqq ukoll il-pjanu, il-kitarra u l-Bb Baritone jew, kif inhu magħruf l-Althorn, ma` diversi baned f`pajjiżna fosthom mal-Banda Cittadina King`s Own tal-Belt Valletta.  Illum il-ġurnata iżda dan m`għadnix nagħmlu għax diffiċli nsib il-ħin bejn ix-xogħol normali tiegħi, it-tmexxija tal-Banda u l-istudju tal-istrumenti, flimkien mal-familja.

Kif tlaħħaq bejn ix-xogħol impenjattiv ta' Assistent Kummissarju u dak ta' Surmast tal-Banda?

Minn Kuntistabbli tal-Pulizija, illum għall-grazzja t`Alla ġejt promoss għal Assistent Kummissarju fejn għandi taħt it-tmexxija tiegħi dekasteru mhux daqstant żgħir.  Għaldaqstant mhux daqshekk faċli li nlaħħaq bejn xogħol normali tiegħi u dak ta` Uffiċjal inkarigat u Direttur tal-Banda tal-Pulizija. 

Imma l-imħabba u l-impenn tiegħi lejn din il-banda iġġiegħlni nagħmel kull sagrifiċċju u nara kif se nsib bilanċ bejn ix-xogħol u l-Banda, aktar u aktar meta t-talbiet għas-servizzi li tagħti din il-Banda qegħdin dejjem jiżdiedu. Ħafna minn dan ix-xogħol mhux biss jgħin għall-PR tal-korp iżda anke  ngħinu persuni li għandhom bżonn l-għajnuna. Għalhekk nagħmel dan ix-xogħol aktar bil-qalb.

banda

Facebook / Anthony Cassar

Int irnexxielek taħdem ma' ħafna artisti lokali fil-kunċerti tiegħek. Kemm taħseb li hu importanti li jkollok dawn l-artisti mistednin biex jgħollu l-livell tal-kunċerti tagħkom.

Irnexxieli naħdem ma` ħafna artisti lokali u anke wkoll ma` barranin fil-kunċerti li l-Banda ttellgħa minn żmien għall-ieħor.  Jien ċert li dawn l-artisti li ħdimt magħhom komplew jgħollu l-livell tal-Banda tagħna. Fosthom ħdimt mat-Tenur Malti ta` fama internazzjonali Joseph Calleja, Ivan Grech, Tenishia, Red Electrick, Ira Losco, flimkien ma` lista twila ħafna ta` kantanti oħra tal-mużika klassika u dik kontemporanja mix-xena lokali u barranija.

joseph calleja

Facebook / Anthony Cassar

Int kont il-persuna li reġgħet tat ħajja lil din il-banda wara waqfa ta' diversi snin. Taħseb li llum lħaqtu l-livell li dejjem xtaqt jew għad fadal ħafna xogħol?

Għamilna progress kbir u fil-preżent għandi mużiċisti fil-Banda li qed jieħdu t-tagħlim tal-mużika bis-serjeta`, kemm b'taħriġ privat u anke fl-Iskola tal-Mużika. Għalhekk irnexxielna ntellgħu diversi kunċerti b'suċċess f'ħafna swali importanti f'pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna.

Madankollu ma jfissirx li l-Banda laħqet għal kollox il-livell li jien dejjem xtaqt u għaldaqstant, bl-għajnuna tal-uffiċjali tiegħi u tal-Awtoritajiet lokali, għadna qiegħdin inwettqu proġetti sabiex il-livell tal-Banda tagħna jkompli jogħla dejjem 'il fuq.

Tista ssemmili xi episodju kurjuz jew umoristiku li ġara waqt xi kuncert jew preparazzjoni għalih fil-passat?

Matul dawn is-snin kellna diversi episodji partikolari, fosthom meta daqqejna barra minn xtutna u sirt naf biss fl-aħħar għaxar minuti li l-kunċert li konna se nagħmlu kien se jiġi trażmess live fuq li Sky Channel.

Qabel ma nagħlaq nixtieq fl-aħħar nett nirringrazzja minn qalbi lil kull min tagħna l-għajnuna sabiex il-Banda tal-Korp tal-Pulizija tkompli miexja `l quddiem u tkompli tagħmel suċċess kull fejn tkun. Nirringrazzja wkoll lil dawk kollha li jattendu numerużi għall-kunċerti li ntellghu, kif ukoll lill-uffiċjali tiegħi, lill-mużiċisti u l-familjari tiegħi tas-sapport kontinwu tagħhom.

Ovvjament grazzi wkoll `l Alla l-Imbierek li dejjem imexxina u nagħlaq bil-motto li jmexxi l-Korp tal-Pulizija Domine Dirige Nos


Neville Refalo