F’dawn is-serje ta’ artikli ser inkunu qed naraw x’jaħsbu l-kantanti ta’ Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija fuq l-ewwel tas-sena 2021. Ara x’ser jgħidu dawn l-artisti li jmiss.
Glen Vella ħa jkun qed jinterpreta l-kanzunetta Ħarsa Biss fuq mużika ta' Philip Vella u kliem ta' Joe Julian Farrugia.
Hu b'onestà jgħid, "Għalkemm din is-sena ma kinitx waħda faċli u sfortunament ħalliet impatt negattiv fuq ħafna nies, lili għallmitni ħafna lezzjonijiet u proprju wkoll din is-sena kelli l-isbaħ jum ta’ ħajti, dak meta żżewwiġt."
Glen ikompli b'lenti pożittiva, "Inħares b’ottimiżmu lejn is-sena d-dieħla, naspira għal affarijiet ġodda fil-karriera tiegħi u nittama li ma jdumx ma jgħaddi kollox ħalli nerġa ngħannaq lin-nies mill-ġdid."
Bernie & Pod ħa jkunu qed jinterpretaw Ħudni Lura fuq mużika ta' Bernard Bonnici u kliem ta' Ivan Farrugia.
Ivan jistqarr, "Jien bniedem li nżomm ħafna saqajja mal-art u ngħix il-ġurnata. Nippjana ħafna affarijiet biex ħajti tkun kemmxejn aħjar imma fl-istess ħin irrassenjat li dak li nkun pjanajt jista’ jisfaxxa. Aspettativi dejjem jkun hemm, uħud iridu ħafna xogħol, oħrajn inqas."
Hu jkompli jgħid, "L-iktar ħaga li qatt ma għamilt u li nixtieq nagħmel hija li nqatta’ xi ġimgħat ġewwa l-missjoni ’l barra minn xtutna; li tagħti mingħajr ma tistenna xejn lura hija l-isbah ħaġa li tista’ tesperjenza."
F'isem it-tim hu jgħid, "Bħala Bernie and Pod għandna ħafna aspettativi wkoll, forsi mhux ghas-sena 2021 biss, imma iktar bħala proġetti. Biss naħseb li kolletivament naqblu li ha niffukaw fuq il-festival tal-kanzunetta Maltija ta’ Marzu li ġej, peress li din hija xi ħaġa ġdida għalina u għalhekk nixtiequ noħorġu l-aħjar għal din l-opprtunità unika għalina."
Philip Vella ħa jkun qed jinterpreta l-kanzunetta Il-Kitarra u Jien fuq mużika tiegħu stess bi kliem ta' Joe Julian Farrugia.
Philip bl-aktar mod sempliċi jistqarr magħna, "Nixtieq lura n-normalità, dik li tant konna nieħdu ‘forgranted’ fis-snin imgħoddija. Nixtieq ukoll lis-sitwazzjoni tippermettili li nagħmel kunċert bil-kanzunetti tiegħi, ‘live’. Nawgura sena t-tajba lil kulħadd."
Christina Magrin ħa tkun qed tinterpreta Int Biss bi kliem u mużika ta' Mark Scicluna.
Hi tistqarr magħna, "Is-sena 2021 hija sena li qed nittama tipprometti ftit aktar normalità fil-ħajja ta’ kulħadd. Jiena bħala żgħażugħa ħassejt ħafna ħafna n-nuqqas li niltaqa’ ma’ sħabi u noħorġu nqattgħu ftit ħin flimkien, nistudjaw flimkien u naqsmu ħafna mumenti sbieħ."
Tkompli tispjega, "Peress li fis-sena 2020 konna limitati ħafna bil-ħruġ u anke esperjenzi fl-iskola, kienet sena li fiha kelli l-ħin naħdem fuqi nnifsi, fuq l-iskola, u stinkajt u studjajt ukoll biex intejjeb il-karriera tiegħi tal-kant."
Christina tgħid, "Filfatt wara l-Junior Eurovision tal-2016, f’din is-sena ddeċidejt li nagħmel ir-ritorn tiegħi fix-xena lokali f’din il-kompetizzjoni bl-ewwel Kanzunetta Maltija tiegħi li hi marbuta ħafna ma’ qalbi, u jekk Alla jrid f’Marzu ta’ din is-sena ser ikolli l-opportunita’ li nsemmgħalkom Int Biss."
Dwar dak li hemm pjanat hi tistqarr, "Bħal snin passati fl-2021 se nkun qiegħda nkanta f’pajjiżi oħra madwar l-Ewropa, dejjem jekk is-sitwazzjoni preżenti titjieb! Se nkompli nikteb u nikkomponi kanzunetti tiegħi stess. Qed nittama li 2021 ser ikun bidu ġdid għalija fejn nidħol l-Università nkompli bl-istudji tiegħi u fejn nniedi l-ewwel l-album tiegħi li ili naħdem fuqu u li tant jien ħerqana naqsam mal-pubbliku. Nixtieq nawgura lil kulħadd sena mimlija hena u aktar minn kollox saħħa!"
Avenue Sky ħa jkunu qed jinterpretaw Kompli Tbissem b'mużika ta' Glen Vella u kliem ta' Andy Muscat.
Avenue Sky jgħidulna, "Is-sena 2021 nistennew li tagħtina l-opportunità li nerġgħu lura għan-normalità li konna ngħixu; ħajja fejn ma nibżgħux niltaqgħu mal-ħbieb u niċċelebraw okkażjonijiet importanti f’ħajjitna."
Huma jżiedu, "Matul is-sena li ġejja, nittamaw li nkomplu naħdmu fuq materjal ġdid bħala grupp u li ngawdu l-esperjenza tal-Festival tal-Kanzunetta Maltija, Mużika Mużika, b’mod sħiħ."
Ara ir-risposti ta’ aktar kantanti li ser jiehdu sehem fil-festival fl-artiklu li jmiss! Għal aktar informazzjoni żur is-sit ta' Mużika Mużika billi tagħfas HAWN.