Fil-bidu tas-sena 2021, f'Malta ħa jirritorna l-Festival Kanzunetta Maltija taħt l-isem ta' Mużika Mużika! Aħna kellna l-opportunità li nitkellmu mal-parteċipanti ta' din is-sena dwar il-festa speċjali li qed niċċelebraw illum, il-Milied. Ara x'kellhom x'jgħidulna wħud mill-parteċipanti ta' Mużika Mużika. Matul il-ġurnata ser naraw il-kumplament tal-parteċipanti kollha ta' dan il-konkors. 

Janvil u Jade Vella ħa jkunu qed jinterpretaw il-kanzunetta Binti fuq mużika ta' Richard Micallef u kliem ta' Roberta Magri.

Huma qalulna, "il-veru Festa tal-Milied, aħna bħala familja niċċelebrawha dejjem flimkien u anke bħala familja li nħaddnu r-reliġjon tagħna, u għalhekk niċċelebraw il-Milied sabiex niftakru fil-ġrajja tat-twelid tal-Iben t’Alla li sar bniedem u bata għalina."

Komplew jgħidulna, "L-Iktar li ser inħossu huwa n-nuqqas tal-atmosfera fejn tiġi ċċelebrata l-quddies ta’ nofs il-lejl. Min-naħa l-oħra, in-norma tagħna bħala kantanti dawn iż-żminijiet inkunu bieżla bix-xogħol u allura minħabba ċ-ċirkostanzi ser ikollna aktar ħin biex ingawdu lil xulxin, għall-inqas għandna xi ħaga pożittivà!"

Fabrizio Faniello ħa jkun qed jinterpreta l-kanzunetta Fjamma fuq mużika ta' Philip Vella u kliem ta' Emil Calleja Bayliss.

Hu qalilna, "Il-Milied għalija jfisser familja u għaqda. Il-Milied innifsu huwa t-twelid ta' sidna Ġesù li kuljum jagħmel mirakli kbar magħna li nqumu jum wara jum. Fiċ-ċirkostanzi li qegħdin għalkemm ħa jkun xi ftit jew wisq differenti minn snin ta' qabel, naħseb li hija opportunità għalina lkoll li nqattgħu Milied aktar bejn il-familja u nies li huma viċin tagħna."

Fabrizio jkompli jgħid, "Min-naħa tiegħi l-unika dieqa li għandi hija li kieku mhux għal din is-sitwazzjoni kien ħa jkun hawn il-papà magħna u konna ħa nkunu l-familja kollha, però ovvjament ħa nkun qed inqatta' dal-Milied mal-kumplament tal-familja u bla dubju li kif inkunu lkoll flimkien inċemplu lin-nanna li qiegħda f'dar tal-anzjani, la darba għalissa ma nistgħux inkunu viċin tagħha. Minn hawn nieħu l-opportunità insellem lil kull min qiegħed f'xi home u għandna naħsbu fihom u nagħtu dik it-telefonata ta' awguri lilhom ukoll."

Christian Arding ħa jkun qed jinterpreta l-kanzunetta Għajjejt Inħobb fuq mużika ta' Gilbert Camilleri u kliem ta' Rita Pace.

Christian jistqarr magħna, "Normalment bħas-soltu il-Milied inqattgħu x-xogħol, però wara li nlesti dejjem niltaqa’ mal-familja speċjalment inkunu kollha għand il-mamà tiegħi."

Hu jkompli jgħid, "Biss però din is-sena ovvjament ser tkun differenti u kontra qalbi ser ikolli noqgħod ’il bogħod minn ommi u missieri u mill-kumplament tal-familja. Din is-sena ser ikolli nibqa’ sejjer id-dar wara li nlesti mix-xogħol u nqatta’ l-Milied ma’ tad-dar."

Charisse Vassallo ħa tkun qed tinterpreta l-kanzunetta Għal Dan Il-Lejl fuq mużika ta' Mark Spiteri Lucas u kliem ta' Emil Calleja Bayliss.

Hi tistqarr, "Normalment għalija, ma kienx jiġi Milied jekk ma niltaqgħux il-familja kollha, fi gruppi kbar ta' ħbieb jew niċċelebraw b'xi festin kbir. Iżda din is-sena la spiċċajna b'għadd ta' restrizzjonijiet li rridu nimxu magħhom, tgħallimt iżjed kemm l-iktar affarijiet importanti f'dan iż-żmien tal-Milied huma li tkun ma' dawk in-nies li huma verament importanti għalik, il-paċi u t-tama."

Charisse tkompli tgħidilna, "Għalhekk din is-sena ser nagħti l-ikbar prijorità lis-saħħa, u għalhekk il-Milied ser inkun qed inqattgħu mal-familja u ma' dawk l-iktar viċin tiegħi mis-sigurtà ta’ dari stess.

Danica Muscat ħa tkun qed tinterpreta l-kanzunetta Għażiż fuq mużika ta' Cyprian Cassar u kliem ta' Emil Calleja Bayliss.

Danica tgħid li għaliha, "Żmien il-Milied minn dejjem kien wieħed li nħobb u nkun ħerqana għalih. Meta kont iżgħar forsi minħabba l-għoti tar-rigali, però llum il-ġurnata żmien il-Milied ifisser ħin mal-familja u ħin ta’ kwalità speċjalment ma’ dawk l-aktar għeżież tagħna."

Aħna f'isem Gwida.mt, nawguraw lill-parteċipanti kollha li bejn it-18 u l-20 ta' Marzu ħa jkunu qegħdin jikkompetu f'Mużika Mużika - Festival Tal-Kanzunetta Malija. Għal aktar informazzjoni żur is-sit ta' Mużika Mużika billi tagħfas HAWN.

Aktar stejjer interessanti fuq il-parteċipanti fil-ħin li ġej. 


Anthony Baldacchino