M’hemmx bżonn ngħidulkom aħna: id-dehra ta’ pajjiżna suġġett jaħraq aktar mix-xemx tas-sajf, u għandna d-dubji kemm qatt se titlaq minn fuq fommna. Għalkemm iġġorr magħha ħafna tmaqdir, xorta waħda jirnexxilna nilmħu ġawhra jew tnejn ta’ min japprezzahom, u fost dawn il-ġojjelli nsibu diversi bankijiet ħelwin u kkuluriti, li qegħdin jagħtu apparenza ġdida u unika lill-irħula tagħna.
Facebook / FTZD - Foundation for Tourism Zone Development
Tassew, diversi entitajiet, b’mod speċjali l-Kunsilli Lokali, qegħdin ilkoll jieħdu l-inizjattiva li jagħtu daqqa ta’ pinzell ġdida lill-mogħdijiet Maltin: artisti bħal Kim Simler, responsabbli għat-tibjid li sar fuq il-bankijiet viċin il-bajja ta’ Fajtata ġewwa Wied il-Għajn, jidhru qed jeħduna lil hinn mill-ħsieb tipiku tagħna ta’ bank tradizzjonali. Dan kollu permezz ta’ disinji friski u bosta lwien vibranti, li mil-lum ‘il quddiem se nkunu nistgħu napprezzawhom matul dik il-passiġġata ħelwa sajfija.
Facebook / Mario Calleja
Mhux Wied il-Għajn biss jaf nilmħu dawn il-bankijiet il-ġodda: infatti, dan huwa biss wieħed minn diversi proġetti simili li qegħdin ifaqqsu. Insemmu daqstant il-Kunsill Lokali tal-Kalkara li, bil-għan li jsaħħaħ id-diversità u l-inklussività, ħa l-inizjattiva li jbajjad il-bankijiet tar-raħal bl-ilwien tal-qawsalla, simili ukoll fid-dehra ta’ dawk li saru ġewwa l-Università. Il-promenade tal-Qawra wkoll miżgħud b’disinji uniċi, hekk kif xahar ilu l-bankijiet tbajdu bil-bnadar ta’ diversi pajjiżi differenti.
Facebook / Kalkara Local Council
Facebook / FTZD - Foundation for Tourism Zone Development
Liema minn dawn id-desinji jogħġbok l-aktar?
Facebook / Mario Calleja