Bernie and Pod – Nieqaf Ftit

Il-band lokali Bernie and Pod għadhom kif ħarġu kanzunetta bil-vidjow ġdida! Din il-kanzunetta ġġib l-isem ta’ Nieqaf Ftit. Hija kanzunetta li tittratta episodji mill-ħajja ta’ ħafna individwi. Pereżempju episodji ta’ delużjonijiet u fallimenti li jkunu għaddew minnhom fil-ħajja. B’konsegwenza, il-bniedem iħossu mitluf u jibda jħossu bħallikieku d-dinja se taqa’ fuqu.

L-ewwel parti tas-soluzzjoni hija li l-individwu jieqaf ftit u jaħseb. Iżda mbagħad jekk nersqu lejn aspett morali, huwa faċli li nroddu salib f’mumenti fejn ikollna bżonn l-għajnuna ta’ Alla. Maż-żmien il-ferita kapaċi tfiq, iżda l-ħażin jibqa’ mnaqqax f’moħħna u f’qalbna. Illum qed ngħixu f’ħajja li tant li mgħaġġla, li lanqas ċans nitbissmu ma fadlilna! Sfortunatament ħafna juru li huma ferħanin, filwaqt li minn ġewwa jkunu mfarrka f’elf biċċa!

By The Way – SCAR

Il-band lokali SCAR ukoll ħarġet kanzunetta ġdida, bil-vidjow inkluż. Jekk immorru lura lejn l-elfejnijiet, SCAR kienu grupp popolari li influwenzaw diversi mużiċisti fix-xena lokali, fosthom Red Carpet, Fences, Cambodia u White Lie.

Il-vidjow tal-kanzunetta l-ġdida, By the Way tmexxa taħt id-direzzjoni ta’ Jean Pierre Gatt u Matthew James Borg. Tajjeb ngħidu wkoll li l-viżwal tal-kanzunetta jiffoka fuq l-erba’ membri tal-band; Konrad, David, Michael u Axel.

Gwida.mt tixtieq tawgura lil dawn iż-żewġ bands lokali għal dawn iż-żewġ il-kanzunetti l-ġodda u għal aktar suċċessi fil-futur!

Facebook / Bernie and Pod

  Facebook / SCAR


Yasmin Camilleri