Il-blogger Daniela Psaila qasmet l-istorja personali tagħha mas-segwaċi tagħha. Qalet li minn ċkunitha, dejjem kienet mibruma u qatt ma kienet tagħmel eżerċizzju. Iżda llum ħajjitha nbidlet kompletament!

Daniela tgħid li fl-ewwel tletin sena ta’ ħajjitha qatt ma kienet kuntenta biha nnifisha u dejjem ħassitha differenti mill-oħrajn. Minkejja dan, tistqarr li xorta waħda baqgħet passiva għal dak li kienet għaddejja minnu. Iżda darba fost l-oħrajn, iddeċidiet li trid tagħmel xi ħaġa għaliha nnifisha. Bdiet tħares lejn is-sitwazzjoni b’mod differenti u rat li hemm il-possibbiltà li titlef il-piż. U rnexxielha għax minn 134kilo, illum tiżen 84kilo!

L-ewwel pass kien li talbet l-għajnuna professjonali, fejn bdiet ittejjeb id-dieta tagħha. Imbagħad bdiet tagħmel l-eżerċizzju fiżiku. Bdiet tmur klassijiet tal-aerobics u aktar tard sezzjonijiet tal-piloxing. Hawnhekk bdiet tiltaqa’ ma nies ġodda u tagħmel ħbieb ġodda. Permezz ta’ postijiet bħal dawn, diversi persuni jinkoraġġixxu lil xulxin biex il-motivazzjoni tibqa’ dejjem ħajja u l-għanijiet jintlaħqu.

Aktar tard, l-eżerċizzju fiżiku beda jagħtiha sodisfazzjon. Bdiet tara l-kambjamenti li bdiet tagħmel, kemm fiżiċi u anke fil-kunfidenza fiha nnfisha. Saħansitra llum tant tieħu gost tagħmel l-eżerċizzju li sar il-passjoni tagħha!

Daniela tistqarr li l-mixja tagħha kienet twila ħames snin. Kienu ħames snin li sabet il-paċi magħha nnifisha, fejn saret tapprezza aktar lilha nnifisha. B’ħamsin kilo inqas, Daniela tgħid li tħossha ħafna aħjar minn meta kienet għadha tifla!

Il-blogger tinkoraġġixxi lil dawk li jixtiequ jonqsu mill-piż jew jagħmlu xi bidla f’ħajjtihom u tgħidilhom li qatt mhuwa tard biex tibda. Daniela għadha sal-lum ma tistax temmen li naqset daqshekk iżda iva Daniela rnexxielek!

It-tim ta’ Gwida.mt jixtieq jgħid prosit kbira lil Daniela! Daniela llum hija blogger li permezz tal-kitba tagħha qed tkun ta’ ispirazzjoni kbira għal nies oħra. Jekk tixtieq li tkompli ssegwi l-blogs ta’ Daniela Psaila, idħol fuq Dani’s Blog – A Way of Life.


Yasmin Camilleri