Huma bosta dawk li f'daż-żmien tas-sena jkunu qed jippreparaw il-lista ta' produzzjonijiet tad-drama televiżivi ġodda li se jibdew isegwu mill-iskedi tal-Ħarifa fuq it-televiżjoni lokali. Wieħed minn dawn is-serje l-ġodda, li hawn tant stennija għalih, huwa ''Ara Doris!'' ta' Eileen Montesin.

Gwida.mt ħadet l-okkażjoni li titlaqa' mal-personalità maħbuba minn bosta, Eileen Montesin u komplejna nitkixxfu ftit aktar dwar is-sitcom il-ġdida tagħha bit-titlu, "Ara Doris!"

"Ara Doris! se jkun differenti mid-drama l-oħra kollha li tellajt s'issa għax se jkun ambjentat fl-istess appartament, mentri qabel kont nieħu gost niġri minn post għall-ieħor u nara x'se nivvinta biex l-iffilmjar ikun mill-aktar avventuruż u ġdid", qaltilna Eileen filwaqt li stqarret, "forsi għax kont iżgħar u kelli ferm aktar enerġija!"

Staqsejnieha wkoll dwar xi ismijiet ta' atturi li se nkunu nistgħu nsegwu waqt din is-sitcom. Eileen issemmi lil Marbeck Spiteri u lil Stephanie Chircop li flimkien magħha se jkunu t-tliet protagonisti femminili ewlenin f'Ara Doris! ''Ma' Marbeck ħdimt magħha qabel waqt is-serje Becky, filwaqt li din se tkun l-ewwel darba li qed naħdem mill-qrib ma' Stephanie'', qaltilna Eileen filwaqt li fakkritna li huma wkoll kollegi fuq ir-radju NET FM.

ad

Ma stajniex ma nistaqsuhiex dwar it-titlu ta' din is-sitcom, li għal bosta jnissel tbissima għax ifakkarhom fil-meme popolari ta' żmien il-karnival. "Il-meme 'Ara Doris!' inħolqot minn mod spontajnu li jien kont sellimt ħabiba tal-qalb tiegħi fil-pjazza tal-Karnival", qaltilna Eileen, filwaqt li kompliet tistqarr li qatt ma basret li din il-frażi kien se ssir daqstant popolari. "Meta ddeċidejt li nikteb sitcom u kont qed naħseb fuq isem li jaqbad, ġiet f'moħħi mill-ewwel il-frażi 'Ara Doris! U meta staqsejt lil Christine (bintha) x'jidhrilha minn dan l-isem qaltli li ma stajtx ħsibt f'isem aħjar", weġbitna Eileen.

Sabiex nagħlqu l-intervista ma' Eileen staqsejnieha ttina aktar dettalji dwar meta se tkun qed tixxandar din is-serje l-ġdida tagħha u kemm għandna nistennew episodji. B'hekk skoprejna li "Ara Doris!" se tibda tixxandar kull nhar ta' Sibt, mis-Sibt li ġej fuq NET TV waqt il-programm tagħha u tal-familja tagħha 'Family Affair' fl-16:30. Is-serje hi maħsuba li tibqa' sejra sal-Milied. "Ma nistax inwiegħed aktar episodji għalissa. S'issa hemm il-ħsieb ta' 12-il episodju u daqshekk", kienet pronta tgħidilna filwaqt li fakkritna, "bil-familja dejjem tikber, il-prijoritajiet ta' ħajti inbidlu sew", b'referenza għan-neputijiet Nina u Stella, ulied bintha Christine u Francesco Catania.

Gwida.mt tawgura lil Eileen Montesin u lill-krew u l-kast kollu ta' ''Ara Doris!'' u ''Family Affair'' kull suċċess għall-iskeda l-ġdida tal-Ħarifa fuq NET TV, mis-Sibt li ġej fl-16:30.


Deo Grech