Kumpanija tal-farmaċewtika Svizzera rebħet l-approvazzjoni tar-regolaturi biex tikkumerċjalizza trattament ġdid li l-prezz tiegħu jaqbeż il-miljun u nofs Ewro.

Dan it-trattament, li jġib l-isem ta’ Zolgensma hu mifhum li se jintuża biex jikkura trabi li għandhom il-kundizzjoni ta’ Spinal Muscular Atrophy - Marda li taffetwa l-iżvilupp tat-trabi u li ħafna drabi tkun fatali tant li ħafna ma jwasslux l-eta’ ta’ sentejn.

Ix-xjentisti li ħadmu fuq din il-mediċina spjegaw li x-xogħol tagħha hu li tieħu post il-ġenetika difettuża li tkun qed twassal lil dawn it-trabi biex ikollhom dawn il-problemi.

Meta mistoqsi dwar il-prezz tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija li qed tipproduċi din il-mediċina stqarr li fi ftit żmien din se tkun l-istandard tal-kura għat-trabi u trattament wieħed se jevitá li dawn it-trabi jieħdu għadd ta’ trattamenti tul is-snin li bejniethom jiswew ħafna iżjed minn dak li tiswá din il-mediċina.

Hekk kif din il-mediċina ħadet l-approvazzjoni tar-regolatur Amerikan, bħalissa tinsab qed tistenna l-approvazzjoni tar-regolaturi Ewropej biex fix-xhur li ġejjin tidħol f’dan is-suq ukoll.


Daniel Schembri