Haley Azzopardi se tkun qed tipparteċipa fil-festival Mużika Mużika f’Marzu li ġej wara li rebħet id-dritt permezz ta' programm televiżiv. Haley tkellmet ma’ Gwida.mt dwar l-esperjenza tagħha kemm qabel il-parteċipazzjoni kif ukoll dak li hemm qed jitħejja.

Haley hi s-semifinalista li ntgħażlet wara li rebħet il-fażi Mużika Mużika: Il-Vjaġġ Ikompli. X’taħseb dwar din l-esperjenza? “Jiena naħseb li l-programm Mużika Mużika: Il-Vjaġġ Ikompli kienet idea tajba ħafna li tat lili u kif ukoll lil kantanti żagħżagħ bħali l-opportunità biex jesebixxu t-talent tagħhom.”

“Fl-istess ħin kellna ċ-ċans naħdmu ma’ nies professjonali fil-qasam tal-ispettaklu li żgur għenuna nikbru bħala artisti.” X’taħseb dwar il-parteċipazzjoni tagħha li nibtet minn fażi differenti minn tal-20 semi-finalista l-oħra? Hayley tgħidilna, “Jien nemmen li l-aktar ħaġa importanti hi li jkollok diska tajba u tim professjonali wara d-diska, u li jirnexxielek tippreżentaha bl-aħjar mod possibli.”

Haley kemm-il darba kantat bil-Malti, u din mhux se tkun l-ewwel darba għaliha. “Il-lingwa Maltija kienet għal qalbi minn mindu kont żghira għax inħoss li tagħtina l-identità tagħna bħala poplu Malti. Fil-fatt ħriġt l-ewwel diska oriġinali bil-Malti meta kelli biss tlettax-il sena.”

GF

Haley inzertat l-iżgħar kantanta f’dan il-festival, u staqsejnieha dwar kif iħossha dwar dan. Hi tistqarr magħna, “Għalkemm inħossni kburija li jiena l-iżgħar parteċipanta fil-festival, ma naħsibx li għandha tagħmel differenza għax l-iktar ħaġa importanti hi li twassal il-messaġġ tad-diska bl-aktar mod effettiv.”

“Li ħa nkun fost is-semifinalisti l-oħra huwa ta’ unur kbir għalija u bla dubju inħeġġeġ lill-kantanti żagħżagħ biex opportunità bħal din ma jitilfuhiex għaliex verament tgħinek tikber artistikament.”

Haley tkellimna dwar il-kanzunetta li ħa tkun qed tinterpreta f’dan il-festival. “Il-messaġġ wara l-kanzunetta huwa dwar meta tfajla żagħżugħa ssib l-imħabba għall-ewwel darba, kif ukoll dwar li meta tiġi ddiżappuntanta, mhux faċli terġa’ tħobb mill-ġdid, mhux faċli terġa’ tafda, u mhux faċli terġa’ ssib il-fiduċja.”

“Anqas mal-bniedem ikollu esperjenza, aktar idum jgħum fid-dlam. Sakemm isib dak ir-raġġ tad-dawl li jagħtik kurraġġ terġa’ tħobb mill-ġdid u tikteb kapitlu ġdid.

Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta.

Facebook /  Keith Darmanin - Kitzklikz.Com 


Kyle Zarb