Andrea Cassar il-producer u preżentatriċi tal-programm Liquorish, ħa tiżvela magħna xi kurżitajiet. Kif tafu Andrea hija omm, però taħsbu li lil uliedha tinkuraġġihom biex ikunu avventurużi? Wieħed bla ma jriq jistaqsi xi preparamenti hemm wara programm bħal Liquorish u tgħid bdew jippreparaw l-iskeda li jmiss ta' dan il-programm? Dan u aktar f'din l-intervista ma' Andrea Cassar.

View this post on Instagram

A post shared by Andrea Cassar (@andreacassarliquorish) on

Liquorish baqa’ programm li dejjem jiġbed ħafna segwaċi. Però hemm xi raġuni għala dan il-programm jixxandar dejjem bejn April u Lulju, meta ħafna producers oħra jimmiraw li jibdew il-programmi tagħhom f’Ottubru meta moħħhom aktar mistrieħ li se jkun hemm udjenzi d-dar?

Liquorish f’dawn l-aħħar 15-il sena għadda minn diversi fażijiet. Fil-bidu ma kienx popolari daqs illum. Joe, Warren u jien bqajna naħdmu fuq Liquorish sa mill-ewwel darba li qatt sar u allura kellna iċ-ċans li nesperimentaw. Ma niddejqux nissugraw. Il-fatt li nagħżlu April huwa għaliex nemmnu li n-nies ikunu mxennqin minn xi ħaġa ġdida fit-televiżjoni. Ikun hemm programmi li jkunu ilhom għaddejjin diversi xhur u jibdew jindraw. Aħna jogħġobna l-fatt li l-programm isir qabel u matul l-ewwel ġimgħat tas-sajf.

Kull edizzjoni bla dubju jkollha aspetti li joħolqu sfida matul il-proċess li jkun qed isir. Liema kienu l-aktar mumenti partikolari li tibqa’ tiftakar minn din l-edizzjoni li għadha kif intemmet?

Għal darb’oħra din is-sena ħdimna fuq tibdil kbir. Din id-darba ridna nagħtu dimensjoni ġdida lill-avventura. Il-fatt li dawk li japplikaw ikunu jsegwu ħafna l-programm tagħmilha aktar diffiċli biex noħolqu element ta’ sorpriża għalihom. L-isfidi ż-żgħar, bħall-wirdien li riedu jieklu, il-logħba tax-xokkijiet u ħafna oħra taw dimensjoni ġdida lill-programm. Din is-sena wkoll it-tim ħadem fuq set ġdid li ħa ħafna xogħol però ntlaqgħa tajjeb ħafna.

View this post on Instagram

A post shared by Andrea Cassar (@andreacassarliquorish) on

Kif issir l-għażla tad-destinazzjoni minn edizzjoni għall-oħra u kemm jinvolvi riċerka fil-proċess ta’ qabel ma tibda l-avventura?

In-nies dejjem ikunu kurjużi dwar kif nagħżlu d-destinazzjoni. Il-proċess huwa kkumplikat ħafna. Nibdew naħdmu fuq aktar minn pajjiż wieħed biex naraw x'joffri kull pajjiż, kemm hu aċċessibbli għalina biex naslu, id-distanzi, it-temp u ħafna aktar fatturi. Imbagħad hemm l-aspetti loġistiċi, finanzjarji u mediċi – kollha huma fatturi għaliex nispiċċaw nagħżlu pajjiż u mhux ieħor. Eventwalment wara ħafna ġimgħat, jintgħażel il-pajjiż, u min hemm jibda x-xogħol biex tinħadem ir-rotta, il-logħob u kif se jsiru l-filmati u l-isfidi. Proċess li jieħu ħafna xhur u mhux faċli.

Kull edizzjoni tlaqqgħek ma’ karattri differenti. Tħoss li b’xi mod dawn il-parteċipanti affettwawlek ħajtek b’xi mod?

Iva. Jien nieħu gost ħafna nagħmel l-auditions tal-programm. Hemmhekk tiltaqa’ ma’ ħafna karattri differenti. Eventwalment, jien u l-krew nippruvaw ma nsirux ħbieb ħafna tal-parteċipanti għaliex taghmilha aktar diffiċli biex jinħadem il-programm. Wara kollox irridu nkunu ġusti u ugwali kollha. Ovvjament, ikun hemm mumenti fejn tifraħ magħhom, jew temozzjona ruħek għal dak li jkunu għaddejjin minnu u xi kultant ikun hemm mumenti fejn ikollok iżżomm daqsxejn ir-riedni sforz l-entużjażmu li jkollhom.

View this post on Instagram

A post shared by Andrea Cassar (@andreacassarliquorish) on

Mhux xi sigriet li inti omm. Kemm huma avventurużi jew tħeġġiġhom biex ikunu avventuri t-tfal tiegħek?

Ħafna ħafna. Xi kultant ma nagħtix dik l-impressjoni imma jien minn dejjem kont ċerta li lit-tfal irrid nurihom id-dinja li ngħixu fiha u nħallihom igawdu kulturi differenti u pajjiżi differenti. Kull sena nagħmel avventura mat-tfal f’xi post barra mill-Ewropa. Hemm inħoss li uliedi jitgħallmu ħafna. Flimkien nippreparaw bosta affarijiet u rigali biex huma jaqsmu ma’ tfal oħra għaliex hija din l-interazzjoni li tagħmel id-differenza. Hawn Malta mbagħad norganizzaw ħafna campings.

X’qed tippreparaw għall-edizzjoni li jmiss ta’ Liquorish?

Ix-xogħol ilu għaddej diversi ġimgħat. Bħalissa għaddejjin bis-sezzjoni biex jintgħażlu l-parteċipanti u beda l-proċess biex jintgħażel il-pajjiż. Hemm diversi sfidi u logħob li diġà ġew diskussi. Se jkollna ħafna sfidi ġejjin però għalissa ma nista’ ngħid xejn. Nispera li tkun edizzjoni ta’ suċċess bħal din li għaddiet u finalment nispera li n-nies tad-dar igawdu esperjenza unika fit-televiżjoni Maltija għaliex grazzi għalihom li nibgħu għaddejjin.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Instagram / Andrea Cassar


Frederick Zammit