Lil Andre Penza narawh jittrasforma ruħu f'diversi karattri, dan l-aħħar ukoll fi Ħbieb u Għedewwa bħala Frank Cassar, ħu John Cassar. F'din l-intervista nitkellmu ma' Andre mhux biss dwar il-passjoni tiegħu tar-reċtar imma nsiru nafu xi ftit kurżitajiet dwaru kif ukoll kif jaħsibha dwar ċerti kwistjonijiet.

Fost oħrajn Andre jkellimna dwar l-esperjenza tiegħu bħala l-protagonist fil-film Carmelo, kif ukoll jgħid li minkejja li għaddew is-snin, il-karattru ta' Neville li interpreta f'Dejjem Tiegħek Becky baqa’ l-aktar popolari fost il-pubbliku. U xi ġralu waqt rappreżentazzjoni li għamel fi skola?

Ritratt: Chris Bajada

Andre, dan l-aħħar konna qegħdin narawk fuq Ħbieb u Għedewwa bil-karattru ta' Frank. Rajna żewġ aspetti ta' dan il-karattru. Kif kienet l-esperjenza tiegħek b'dan il-karattru?

Nistqarr illi minkejja li kont nidderieġi l-ewwel staġun ta’ Ħbieb u Għedewwa ma kontx inħoss li rrid inkun parti minnu bħala attur u qabel Frank Cassar irrifjutajt żewġ karattri, però il-karattru ta’ Frank intrigani, rajtu wisq differenti minni u dħaltlu b’ruħi u ġismi, għamiltu tiegħi u in-nies laqgħuh tajjeb ħafna.

Interpretajt il-parti prinċipali fil-film Carmelo. X'fisser għalik il-fatt li kont parti minn produzzjoni bħal din u saħansitra kont il-protagonist?

Carmelo kienet esperjaza tal-ġenn. Jien patrijott u minn dejjem xtaqt ninterpreta karattru storiku. Meta applikajt għall-awdizzjoni ħassejtni kunfidenti li dan il-karattru kont se nagħmlu jien u hekk ġara. Fuq is-sett kien hemm tim tal-ġenn, esperjenza, enerġija u professjonalità li rari ltqajt magħha fi produzzjonijiet lokali. Il-parti kienet impenjattiva imma ninsab grat u sodisfatt ħafna li kont parti minn dan il-proġett.

Liema produzzjonijiet tħoss li għenuk tikber aktar bħala attur fil-bidu tal-karriera tiegħek?

Jien nemmen li kull produzzjoni tgħinek tikber u titgħallem. Kelli x-xorti naħdem ma’ ħafna atturi bravi u dejjem rajt kif se nitgħallem minnhom. Qatt ma rajt kbir. Jekk ikolli nagħżel karattru li għeni ħafna però, nagħzel dak ta’ Francesco (San Franġisk), dramm għat-Teatru minn Skene. Kien l-iktar karattru impenjattiv li qatt interpretajt iżda li bidilli ħajti kompletament, kemm artistikament u anke spiritwalment.

Huwa fatt magħruf li l-ħajja ta' attur f'Malta m’hijiex waħda faċli, partikolarment għar-raġuni li m’huwiex possibbli li żżomm ir-reċtar bħala l-unika professjoni. Int personalment, kif jirnexxilek tadatta u tqassam il-ħin biex xorta waħda tagħti l-ħin kollu li jeħtieġ?

Jien illum missier u mhux faċli għax biex inkun it-teatru jew fuq is-sett ħafna drabi jfisser li nkun irrid nirrifjuta x-xogħol. Però minkejja li studjajt it-teatru u it-televiżjoni qatt ma rajtu bħala xogħol u dejjem żammejtu bħala delizzju fejn jien nirrilassa ruħi mill-ġenn ta’ kuljum. L-ikbar uġigħ ta’ ras hija biex insib il-ħin biex nistudja l-linji imma b’immaniġjar tal-ħin, jirnexxili. Xejn mhu impossibbli meta tkun verament tixtieq u tħobb dak li qed tagħmel. Min-naħa l-oħra dan kien possibbli wkoll bl-appoġġ tal-familja, ħbieb u kollegi tax-xogħol għax kieku diffiċli ħafna. Nieħu l-opportunità biex nirringrazzjahom minn qalbi.

Hemm xi tip ta' karattru li s'issa għadek qatt m'għamilt li tixtieq tinterpreta?

Interpretajt diversi karattri u dawk li jkunu differenti minn dak li jien illum, inħobbhom ħafna għax trid taħdem, tagħmel ir-riċerka u tesperimenta waħdek. Però dejjem noħlom li ninterpreta ‘Lupin’, u mhux minħabba ‘Margot’ biss, promise.

Liema karattru li interpretajt baqa’ l-aktar popolari mal-pubbliku? U għal liema raġuni taħseb?

Ħafna nies, minkejja li għaddew ħafna snin għadhom jgħajtuli 'Neville’, karattru li interpretajt fis-sensiela “Dejjem tiegħek Becky’ u minkejja li ma kienx l-ewwel karattru li interpretajt fuq it-TV, inħoss li kien dak il-karattru li fih urejt li kont kapaċi nkun flessibbli. Jibqa’ karattru għal qalbi ħafna.

Kif tipprepara ruħek qabel kull interpretazzjoni?

Xi kultant din perikoluża għax jien nipprova ngħix dak il-karattru speċjalment meta jkun jinvolvi affarijiet li ma nkunx esperjenzajt qabel. Il-preparazzjoni tiddependi mill-karattru. Hemm karattri li apparti mentalment, ikollok tipprepara wkoll fiżikament u hawn fejn tkun l-iktar iebsa. Min jaf kemm kilt meta ma kellix ġuħ biex intella' ftit piż għal xi karattru li kien jirrikjedi dan però l-ikbar sagrifiċċji huma meta ma tkunx tista’ taqta' xagħrek, tħalli l-leħja jew meta ma tkunx tista’ tieħu xemx fis-sajf minħabba l-kontinwita fix-xeni.

Hemm tendenza li ċerti segwaċi ma jagħmlux distinzjoni bejn il-karattru li jkun qed jiġi interpretat u l-attur bħala individwu. Ġieli għaddejt minn xi esperjenza partikolari minħabba dan il-fatt?

Iva, ħafna drabi tiġrili u jiddispjaċini ħafna. Darba pereżempju kelli xena nirredikola lil xi ħadd li kien itemtem u l-għada filgħodu ħebb raġel għalija u saħansitra refa' jdejh fuqi. Wara li xi nies ikkalmawh u tkellimna sirt naf li t-tifel tiegħu kien itemtem u fhimtu. Illum dawn it-tip ta’ partijiet, nevitahom.

Fejn tħoss li għandu jsir aktar progress fil-qasam tat-teatru?

L-inċentivi għallinqas. Ma nippretendix li għandna nitħallsu bħal ta’ Hollywood, imma jekk se nsiefru fuq produzzjoni għallinqas ma nħallsux aħna. Jekk se nitilfu x-xogħol niġu rimborsati dak li tlifna u jekk qed naħdmu ma’ tfal fl- iskejjel biex inħarġuhom fit-teatru, ma nibqgħux narawh bħala ħela ta’ ħin u telf mil-lezzjonijiet, iżda bħala investiment għall-futur tagħhom.

Liema tippreferi l-aktar, televiżjoni jew teatru?

It-teatru sabiħ wisq, u minkejja li t-televiżjoni u ċ-Ċinema tawni sodisfazzjonijiet kbar, jien bdejt mit-Teatru u nimmisjah ħafna. Sfortunatament, jinvolvi ħafna ħin u peress li aħna limitati ħafna u għalhekk ma jistax ikun ix-xogħol prinċipali, nispiċċa nirrifjuta ħafna partijiet, però żgur li jekk il-Mulej jagħtini s-saħħa u uliedi jsiru indipendenti, ikolli aktar ħin fuq idejja u għalhekk nerġa’ lura għat-teatru. Fil-preżent mhux inżomm iktar minn żewġ produzzjonijiet fi staġun.

Ritratt: Max Cassar

Esperjenza daqsxejn imbarazzanti li kellek waqt xi produzzjoni teatrali...

Kont qed nagħmel Pantomima fi Skola u waqt rappreżentazzjoni quddiem it-tfal bdejt nisma' tal-backstage jgħidu minn taħt "il-qalziet, il-qalziet". Kif spiċċajt il-linji bdejt indur lil sħabi u bdejt ngħidilhom minn taħt "iċċekkja l-qalziet", biex imbagħad ninduna li bil-piż tal-power-packs tal-mikrofonu kien niżilli l-qalziet u peress li kien wiesgħa u minn taħt kelli tights ma kontx indunajt li kien niżilli kważi kollu.

Il-fatt li int persuna pubblika u allura kull fejn tmur hemm iċ-ċans li jwaqqfuk in-nies, tħoss li jaffetwa xi ftit jew wisq il-ħajja personali tiegħek?

Jaffettwa bil-fors. Fil-bidu ma kontx inħossni daqshekk komdu speċjalment meta jkolli bżonn ftit ħin fil-privat però maż-żmien drajt ngħix biha u napprezza li n-nies ikellmuni fuq xi karattru li nkun qed ninterpreta, għax dak jurik li jkunu qed isegwuk. Minn hawn nirringrazzjahom kollha tas-sapport li dejjem tawni. Inħobbkom.

'Il bogħod mir-reċtar, min hu eżattament Andre Penza? Liema karatteristiċi jiddeskrivuk l-aktar?

Jien bniedem bieżel, pożittiv u nħobb ngħin. Dak li nagħmel nagħmlu minn qalbi u nipprova nagħmlu l-aħjar li nista'. Ma nikkuntentax bl-“u iva”. Ftit perfezzjonist.

Int ukoll missier. Taqbel li l-ġenituri għandhom ikunu wkoll ħbieb mat-tfal?

Naqbel ħafna. Il-familja nħobbha ħafna u nittama li meta jikbru, jifhmu li dejjem imxejt fl-interess tagħhom qabel tiegħi bħalma għamlu miegħi l-ġenituri tiegħi.

Ritratt: Chris Bajada

Tqis lilek innifsek avventuruż?

Nixtieq inkun avventuruż iktar milli jien, imma xi kultant noqgħod lura aktar milli jmissni, speċjalment fl-ikel. Ma tantx inħobb induq affarijiet ġodda.

Id-dehra hija importanti?

Iva, nixtieq ngħid le, imma sfortunatament, l-ewwel ma tiekol l-għajn. Ma jfissirx li trid tkun mudell, kollox perfett eċċ eċċ, imma li tieħu ħsieb tiegħek innifsek ifisser li tkun san u in-nies jafdawk iktar. Nemmen ukoll però li m’hemm xejn isbaħ min-natural għax kulħadd fin-natural tiegħu għandu xi ħaġa sabiħa u speċjali.

X'jinkwetak l-aktar fid-dinja li qed ngħixu llum?

Il-valur tas-solidarjetà fina l-Maltin dejjem għamilni kburi b’art twelidi. Xi kultant inħoss li tant kulħadd sar għandu x’jagħmel li donnu ħadd ma sar għandu ħin għal ħadd. Qed insiru egojisti u materjalisti iżżejjed.

Hemm xi ħolm partikolari li tixtieq twettaq?

Jekk ma toħlomx, ma twettaqx. Hemm diversi ħolm li nixtieq, nixtieq jott, villa kbira tħares fuq il-baħar, ajruplan privat u diversi affarijiet oħra...mill- banda l-oħra dejjem kont kapaċi napprezza u nkun kuntent b’dak li għandi, għax dawk tiegħi żgur. Imma qatt tgħid ‘qatt’.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.


Roberta Magri