Ftit tal-ġimgħat ilu ġibna l-istorja ta' Andonia Mallia, li tilfet lil ommha u lil oħtha fl-aċċident ikrah tat-traffiku li sar fit-triq tal-Imġarr. Andonia ingħaqdet fis-sagrament taż-żwieġ u biex tonorha lil ommha u lil oħtha, Andonia iddedikat il-kanzunetta Angels fit-tieġ tagħha. Ħafna mill-mistiedna kienu emozzjonati ferm. Aħna kellna ċ-ċans li nitkellmu ma' Andonia u nsaqsuha dwar dan il-ġest sabiħ.

Kif sejrin fil-ħajja miżżewġa?

Jien u Charlton ilna flimkien għal dawn l-aħħar 10 snin fejn dawn l-aħħar 4 snin konna diġà qed ngħixu flimkien ġol-post tagħna. Inħoss li ppreparajna ruħna sew ta’ x’ħa nsibu ma’ wiċċna b’mod speċjali dawn l-aħħar xhur fejn ħajjitna inbidlet drastikament. Minkejja it-tlugħ u nżul li kellna f’ħajitna, jien niddiskrivi dawn il-jiem minn lenti pożittiva.

X’sinifikat għandha għalik Angels?

Is-sinifkat ta’ ‘Angels’ ghalija huma ommi u oħti, għaliex huma 2 anġli li qegħdin dejjem magħna sabiex jipproteġuna minn hemm fuq u biex ikomplu jagħtuna kuraġġ ħalli nkomplu nħarsu u nimxu ‘il quddiem b’ħajjitna.

Ritratt: Facebook / Andonia Zahra

Għaliex għażilt lilha?

Xahrejn qabel it-tieġ, fl-aħħar meeting li kellna mad-diretturi tal-banda, Charlton semma li nixtieq nonora il-memorja ta’ ommi u oħti fl-aktar ġurnata importanti tagħna. Il-lirika tal-kanzunetta hija xi ħaġa fenomenali u wisq stajt nirrelata mal-ħajja tiegħi. Bl-għajnuna kemm tad-diretturi u ta’ Charlton, wasalt għal konklużjoni li Angels hija diska perfetta għal dak li xtaqt nagħmel.

X’kienu jgħidulek meta kienu jarawk tkanta?

L-hena tagħhom meta kont inkanta! Dejjem fuq quddiem kienu jkunu jistennewni inlesti. Il-mummy dejjem twassalni u teħodni għal kull lezzjoni u kull attività li kien ikolli u oħti l-biċċa l-kbira dejjem tiġri magħna. Il-kant għal ommi kien ifisser ħafna u fejn setgħet qatt ma telfitli opportunità. Huma kien jgħiduli li l-ikbar sodisfazzjon tagħhom kien xħin jien inkun fuq il-palk jew fuq xi programm tat-televiżjoni.

Ritratt: Facebook / Andonia Zahra

Fejn kont meta qalulek bl-aħbar?

Bħal kulħadd, jien u r-raġel ħriġna nieklu dakinhar u inġbarna kmieni id-dar biex naraw episodju mis-sensiela barranija li konna qed insegwu dak iż-żmien. Jien kienet leħqet marret għajnejja bija meta ħabiba tagħna rat l-artiklu tal-aċċident fuq facebook u ndunat li il-karozza kienet simili għal dik t’oħti.

Ċemplitli mal-ewwel, iżda jien ma rispondejtx għaliex kien silent, allura immedjatament ċemplet lir-raġel tiegħi biex tara jekk hux kollox sew. Hemmhekk hi spjegat lir-raġel tiegħi ta x’kienet qrat. Fil-pront beda jċempilli missieri, fejn hemmhekk Charlton qajjimni sabiex nirrispndih. Beda jgħidli li ġara aċċident l-Imġarr u li ommi u oħti flimkien mat-tifel tagħha u n-nanna tiegħi kienu marru lejn dawk in-naħat u li kien qed jipprova jċemplilhom imma kien kollu ta’ xejn.

Pruvajt inċempilhom jien mal-ewwel iżda kollu kien ta’ xejn, għax ħadd minnhom ma qabadni. Dak il-ħin bdejt inħoss saqajja jinqatgħu u bdejt indur u nwerżaq u nibki mad-dar. Wassalni r-raġel l-isptar fejn hemhekk tawna l-aħbar.

Ritratt: Facebook / Andonia Zahra

Ħafna nies emozzjonaw ruħhom kif sibt il-kuraġġ?

Bħalma stqarrejt jien fuq Facebook, meta ġieli konna naqbdu is-suġġett tal-mewt, ommi kienet dejjem turi x-xewqa biex inkantala fil-funeral. Iżda din kienet wisq iebsa għalija biex nagħmilha.

Kif ġietni din l-opportunità li nkanta fit-tieġ tiegħi, ridt nagħmilha b’saħħa. Kienu t-tnejn għatxana għal din il-ġurnata u dejjem meta niltaqgħu nitkellmu fuqha u ninsab ċerta li huma ppermettew biex din iseħħ. Ċerta li ommi u oħti kienu miegħi il-ħin kollu u kienu huma li tawni il-kuraġġ kbir għaliex naf li huma riduni nagħmilha.

F'isem Gwida.mt aħna nawguraw lil Andonia u r-raġel tagħha futur hieni, mimli b'ħafna u ħafna mħabba u dak kollu li tixtieq qalbhom. Ċertament li ħa jsibu lil xulxin f'kull mument ta' ħajjithom. Awguri!

Facebook / Andonia Zahra


Anthony Baldacchino