Żewġt itfal Maltin ta’ ħdax-il sena, Alicia Jurnee St. John u Julia Barbara, kellhom opportunità sabiħa mmens grazzi għall-għalliema tagħhom Jane Pace minn The Senior Music Academy, biex jitilgħu l-Polonja u jieħdu sehem f’numru ta’ masterclasses flimkien ma' għalliema differenti Pollakki u biex jitħarrġu fil-kant u l-mużika.

Kuljum, wara ġurnata impenjattiva ta’ tagħlim u prattika f'diversi oqsma tal-mużika, kien ikollhom ukoll wirjiet u kunċerti f’diversi postijiet, bħall-Parroċċa ta’ Wisełka, SPA Mediku Jantar, Ċentru ta’ Riabilitazzjoni Lesna Polana, fil-lukanda Soleil f’Rewalu, Ċentri ta’ Rilassament, skola tal-Kindergarten PSONI f’Kamien Pomorski u fil-Palazz Trzebiatów, fost oħrajn. Fl-aħħar ġurnata ta’ din l-avventura, is-solisti Julia u Alicia temmew din l-esperjenza b’kunċert gala ġewwa l-Katidral ta’ Kamien Pomorski.

Fi tmint ijiem, kantaw u daqqew ma’ żewġ gruppi ta’ flawtisti, żewġ korijiet, kitarrist u żewġ kantanti oħra. Alicia kellha wkoll l-opportunità ddoqq il-flawt, strument li qiegħda titgħallem iddoqq hawn Malta. F’dan il-programm intensiv, Alicia u Julia kantaw b’ħames lingwi: bl-Ingliż, bil-Latin, bil-Pollakk, biż-Żulu u ma tonqosx diska bil-Malti wkoll!

Din l-esperjenza ma kienitx tkun possibbli mingħajr l-istedina ta’ Adam Deneka u l-kollaborazzjoni ta' Jane Pace. Julia u Alicia tgħallmu ħafna minn din l-esperjenza u huma grati mmens ta’ din l-avventura, u li rrapreżentaw lil Malta bl-aħjar mod possibbli.
Huma jgħaddu ringrazzjament lis-sur Adam Deneka, il-familjari kollha tiegħu, lill-għalliema, u lil kull min kien involut f’din il-mawra ġewwa l-Polonja!