Alexandra, ftit żmien ilu ingħatajt unur partikolari fl-Olanda. X’kien eżatt dan l-unur u x’kien ifisser għalik?

L-unur li rċevejt matul ix-xahar ta’ Mejju jissejjaħ l- ‘Ad Van Meurs Jury Prijs’ għal ‘Het Mooiste Lietje’ li jfisser il-Premju tal-Ġurija tal-awtur u mużiċista Olandiż Ad Van Meurs għall-Isbaħ Kanzunetta. Dan isir bi sħab mal-Muziekgebouw Eindhoven u d-De Rozenknop Music Venue. Il-kanzunetta li għażlet il-ġurija kien jisimha Darling mill-album li ħriġt is-sena l-oħra Wild Honey, maħruġa fuq it-tikketta MARS Worldwide u rrikordjat fir-Rocktown Studios f’Rotterdam flimkien mal-producers Ocki Klootwijk, Hanyo Van Oosterom u ċ-ċellista Marien Okkerse.

L-unur li ngħatajt huwa wieħed prestiggjuż. Ad Van Meurs huwa personaġġ influwenti ħafna fil-qasam mużikali fl-Olanda u kiteb għadd kbir ta’ kanzunetti u ta opportunitajiet lil ħafna awturi ta’ ħafna kanzunetti u anki kollaborazzjoni ma' leġġendi bħal Townes Van Zandt. Ir-rispons li ngħatajt kien wieħed inkuraġġanti ħafna u ngħatajt ħafna kumplimenti sbieħ. Waqt iċ-ċerimonja jien ġejt mistiedna nkanta l-kanzunetta quddiem l-udjenza u issa se nkun qed inkunta f’kunċerti u festivals madwar l-Olanda.

View this post on Instagram

A post shared by Alexandra Alden (@alexandraaldenn) on

Ħafna huma dawk li llum il-ġurnata jafuk minn X Factor. Però l-karriera tiegħek tmur lura ferm aktar minn hekk. Kif bdejt fix-xena mużikali?

Fi ftit kliem ngħid li l-mużika tiegħi hija jazz u acoustic folk. Jien influwenzata ħafna mis-Snin 60 u 70 u minn artisti bħal Joni Mitchell u Nick Drake. Nixtieq ngħid li jien taħlita sħiħa tad-diversi ġeneri ta' mużika li ħabbejt matul is-snin, inklużi wkoll dawk li qed insegwi dan l-aħħar. Kbirt imdawra bl-arti peress li ommi u nannuwi kienu artisti ħajjithom kollha. Meta konna ngħixu fil-Ġermanja, jien u ħija dejjem attendejna esebizzjonijiet tax-xogħlijiet ta’ ommi. Kont inħossni affaxxinata nisma’ n-nies jitkellmu dwar ix-xogħlijiet tagħha. Qattajt ukoll sigħat twal fl-istudjo tan-nannu fejn kont nagħti daqqa t’id u anki nagħmel xi suġġerimenti. Qabel ma bdejt niffokka fuq il-mużika kont qed niffoka aktar fuq it-tpinġija.

Missieri kien għallimni l-bażiċi tal-kitarra u ta’ tnax-il sena kont naf indoqq Smoke on the Water. Kien madwar dak iż-żmien li rajt liz-ziju tar-rispett Marc Storace jkanta waqt il-maratona mużikali f’Simon’s Pub f’Tas-Sliema u bqajt impressjonata bil-mod kif in-nies laqgħuh. L-enerġija f’dak il-post kienet tant sabiħa li minnufih irrealizzajt li t-triq tal-kant kienet dik li jien kelli nieħu.

Meta kellu 15-il sena irrekordjar l-ewwel EP tiegħi li mbagħad jien ħriġt meta kelli 18-il sena u kelli żewġ siltiet, Dancing Alone u Just Like You li kisbu l-ewwel post fil-klassifika mużikali ta’ Malta. Fl-istess żmien ġejt mistiedna nagħti wirja waqt Teatru Unplugged u anki sirt naf lil Ira Losco u lil Howard Keith Debono li stednuni nkanta waqt kunċert ta’ Ira. Kien għad kelli 19-il sena.

Wild Honey huwa l-album debutt tiegħek. Kemm domt biex ħdimt fuq dan l-album u x’inspirak biex taħdem fuqu?

It-titlu tal-album Wild Honey ġej minn silta Wild Honey & Thyme li jirrifletti l-bidla fin-natura tal-pajsaġġ Malti. L-album ħa aktar minn sena biex jiġi rikordjat fuq it-tikketta MARS Worldwide u rrikodjajtu fir-Rocltown Studios f’Rotterdam, fejn illum qed ngħix, flimkien mal-producers tiegħi Ocki Klootwijk, Hanyo Van Oosterom u Marien Okkerse fuq iċ-ċello. Ikkompnejt il-kanzunetti tiegħi fuq medda ta’ tlett snin waqt li kont qed nivvjaġġa bejn Malta u l-Olanda. Nħoss li ġejt influwenzata b’mod partikolari minn Nick Drake, Joni Mitchell, Bill Callahan u John Martyn.

View this post on Instagram

A post shared by Alexandra Alden (@alexandraaldenn) on

Għal min forsi għadu ma semax dan l-album, x’tista’ tgħidilna fuq is-siltiet li wieħed jista’ jsib fl-album Wild Honey?

Min iħobb kanzunetti mis-Snin 60 u 70 b’laqta moderna ta’ indie pop u kanzunetti folk, mela dan l-album jgħodd għalikom. Hemm ħafna ħsejjes ta’ strumenti differenti li wieħed jista’ jisma’ meta jisma’ l-album diversi drabi. Il-lirika wkoll hija importanti. Hija komposta minn stejjer personali u ħsibijiet dwar Malta, ix-xemx, il-baħar u nżul ix-xemx.

Minn dan l-album, liema tqis li huma s-siltiet li għandek l-aktar għal qalbek?

Ikolli ngħid li s-silta When The Wind Cries għandha l-iktar lirika għal qalbi. Inkitbet għal persuna li ħalliet din id-dinja iżda ħalliet warajha ħafna mħabba fil-qalb ta’ dawk kollha li kienu jafuha. Kienet persuna li kienet tħobb l-għasafar, il-qari, il-kitba, tmur mixjiet qalb il-kampanja u ssajjar it-torti. Il-lirika fil-bidu tal-kanzunetta tirrifletti l-paradossi u d-dilemma ta’ meta titlef persuna li tħobb u d-dubju ta’ dak li għandek temmen.

X’kien il-fattur ewlieni li wasslek biex tikkonċentra fuq karriera aktar fl-Olanda milli f’Malta?

Kont ħassejt li l-Olanda huwa l-aktar post addattat għall-jazz u x-xena mużikali, u meta bdejt ngħix hemmhekk għoġobni l-mod kif japprezzaw il-mużika u 'il kultura. Barra minn hekk huwa post ċentrali fl-Ewropa biex tivvjaġġa minnu. Ma niċħadx li nħoss in-nuqqas tal-familja u ta’ sħabi f’Malta u nivvjaġġa kemm jista’ jkun biex narahom, kif ukoll biex nagħti wirjiet mużikali u okkażjonalment biex anki nagħti xi lezzjonijiet fil-mużika.

Biex ikollok karriera fil-mużika huwa neċessarju li tagħmel xi sagrifiċċji u li mmur ngħix f’pajjiżi ieħor kien wieħed minnhom. Kultant in-nuqqas ta’ dawk għeżież tiegħek tħossu wkoll iżda issa tant ilni ngħix f’Rotterdam li għandi wkoll ċirku ta’ ħbieb.

Peress li jien iffirmajt mal-kumpanija Olandiża MARS Worldwide u l-aġenzija li tirrappreżentani, Earthbeat, hija bbażata f’Amsterdam, jagħmel sens li għalissa ngħix f’Rotterdam għax hawnhekk hawn ukoll it-tim tiegħi u bħalissa qed naħdmu fuq l-album li jmiss tiegħi.

View this post on Instagram

A post shared by Alexandra Alden (@alexandraaldenn) on

X’inhuma l-akbar sfidi li ssib f’karriera barra minn xtutna?

L-ikbar sfida hija li jkolli nkun 'il bogħod mill-familja tiegħi għalkemm nikkomunikaw ħafna u għalhekk qatt ma jien waħdi. Għal kull mużiċist huwa importanti li jkun imdawwar b’nies li jkun jemmnu fil-mużika tiegħu.

L-industrija tista’ tkun kiefra kultant u għalhekk huwa importanti li jkollok miegħek nies li tista’ tafda fuqhom. Iżda kultant hija iebsa biex jirnexxielek tkampa u biex tikkonvinċi lil ħaddieħor bil-valur tiegħek ħafna drabi twassal biex artisti jiġu żvantaġġjati mil-lat finanzjarju. U ngħiduha kif inhi, mhux dejjem ikun faċli li jkollok bookings għal xi wirjiet, u għalhekk tajjeb li jkollok aġenzija li tieħu ħsieb dan.

Taħseb li l-artisti żgħażagħ llum il-ġurnata qed jistinkaw biżżejjed għal karriera fil-mużika?

Nemmen li mużiċisti jridu jieqfu jaħsbu f'li jkollhom karriera iżda jiffukkaw biex ikunu artisti. Mhux faċli. L-importanti li wieħed ikampa u jżommu ħajja l-imħabba lejn il-mużika. It-triq tan-niżla hi meta jibda jiġi ddettat xi jrid jagħmel l-artist għax b’hekk jispiċċa jkun persuna differenti milli tassew ikun.

Kull artist għandu jipprova jemmen fl-intuwizzjoni tiegħu u jibqa’ dejjem kurjuż biex jitgħallem dwar il-mużika u fejn jinsab il-post tiegħu f’dan il-qasam.

View this post on Instagram

A post shared by Alexandra Alden (@alexandraaldenn) on

Apparti l-mużika, smajt li qed tinteressa ruħek f'li tidderieġi u tagħmel muntaġġ fuq vidjos mużikali. Kif bdejt f’dan il-qasam?

Bdejt naħdem fuq il-muntaġġ b’mod spontanju s-sena l-oħra. Dejjem kont interessata fl-aspetti viżwali tal-arti. Qatt ma mmaġinajt li kont se nispiċċa nagħmel jien stess il-muntaġġ. Lanqas kamera li tiġbed il-vidjos ma kelli u finalment issellift waħda u qagħdt indur bir-rota niġbed filmati differenti u b’hekk spiċċajt naħdem għal sigħat twal fuq il-muntaġġ ta’ dawn il-filmati u ngħaqqadhom mal-kanzunetti tiegħi. Dawn issa qegħdin kollha mtella’ fuq il-paġni tiegħi ta’ Facebook u tal-Instagram.

Is-sena l-oħra ngħaqadt ma’ Marie Claire Portelli, fotografu u vidjografu u flimkien ħdimna fuq il-vidjos għal Wild Honey & Thyme u Muscle & Blood. Nieħu gost naħdem magħha għax jirnexxielha tagħti ħajja lil ħafna ideat li jkolli f’moħħi.

Tħobb ukoll tpitter. X’inhuma l-iktar affarijiet li jispirawk biex tagħmel dan?

Hemm ħafna pitturi fil-familja tiegħi u kif jgħidu, id-demm jiġbed. Ommi, Doranne Alden, taħdem bl-ecocline u acrylics u anki tgħallem f’dan is-settur. Missierha hu Albert Caruana li jaħdem bil-watercolours. Iz-ziju tar-rispett tiegħi min-naħa ta’ missieri huwa Harry Alden, li hu magħruf sew fix-xena tal-arti.

Jien kont noħlom li naħdem f’dan il-qasam u kont ġejt aċċettata f’diversi skejjel tal-arti fir-Renju Unit. Iżda ma kienx hemm biżżejjed fondi u ffukkajt aktar fuq il-mużika, għax wara kollox hemm kont qed inħoss li qalbi kienet qegħda tħabbat.

Għadni npitter minn żmien għall-ieħor, iżda llum il-ġurnata aktar nagħmel dan għalija nnifsi.

View this post on Instagram

A post shared by Alexandra Alden (@alexandraaldenn) on

X’messaġġ twassal lil ħafna żgħażagħ li llum saru jsegwuk u jaspiraw li bħalek jagħmlu karriera fil-mużika?

Iffukaw fuq il-mużika u tgħallmu minn mużiċisti oħra. Żommu moħħkom u qalbkom fil-post it-tajjeb. Il-kuntentizza tiksbuha meta tkunu leali u onesti lejkom infuskom. Id-dinja mużikali hija diffiċli bħal karrieri oħra u l-isfidi huma bosta. Iżda finalment tkunu qed tagħmlu dak li tassew tħobbu. Tgħollux l-aspettativi tagħkom iżda żommu ħajja l-imħabba lejn dak li tassew tħobbu tagħmlu. Aħdmu ma’ nies li huma viċin tagħkom u li tafdaw fihom.

X’inhuwa l-pass li jmiss fil-karriera tiegħek?

Fil-ħarifa se nkun qed noħroġ il-verżjoni deluxe tal-album Wild Honey, kif ukoll se nkun qed inniedi xi singles li għandhom iwasslu għall-ħruġ tal-album ġdid tiegħi fir-Rebbiegħa. Earthbeat, l-aġenzija li tieħu ħsiebi, diġà għandha pjanati xi dati ta’ xi wirjiet li se nagħti.

Ovvjament se nkun qed nirritorna Malta għall-kunċert annwali tiegħi s-sena d-dieħla. Riċentement tajt kunċert fil-Librerija Nazzjonali u l-post kien ippakkjat. Tassew kienet serata maġika bis-sehem tal-band internazzjonali tiegħi u dawk kollha li għażlu li jattendu għal din il-wirja.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Instagram / @alexandraaldenn


Frederick Zammit