Il-kantawtriċi Alexandra Alden magħrufa l-aktar għas-sehem tagħha bħala parti mill-ġurija ta' X Factor Malta ħa tkun qed toħroġ kanzunetta ġdida bl-isem ta' Shadow of a Woman. Kanzunetta li ħa tkun qed isservi bħala s-sigla uffiċjali tal-produzzjoni ta' Teatru Malta Alice fl-Art bla Meravilji ta' Franca Rame u Dario Fo, f'koproduzzjon mal-Festival ŻiguŻajg.

Alex ħadmet id f'id mal-kompożitur Ocki Klootwijk u d-direttur ta’ Alice fl-Art bla Meravilji, Sean Buhagiar biex toħroġ kanzunetta li ssaħħar lil dak li jkun dwar il-femminilità u tesplora s-suġġett ta' identitajiet tan-nisa li jeżistu fid-dellijiet. Alden kienet bla dubju ispirata mis-suġġetti li ġew indirizzati fil-wirja; adattament tax-xogħol oriġinali mill-kittieba Taljani progressivi Franca Rame u Dario Fo.

Il-produzzjoni nfisha titkellem dwar in-nisa li jkunu mqassma f'kaxxi qishom pupi b’riżultat ta’ normi fis-soċjetà li jikkundannawhom. Figura prominenti u sostenitur tal-moviment tad-drittijiet tan-nisa f’Malta, Alden kienet eċċitata biex toħloq l-interpretazzjoni tagħha għal din il-verżjoni tal-istorja klassika ta’ Lewis Carroll bit-tama li titfa’ dawl fuq suġġetti iebsa bħall-vjolenza domestika u l-femiċidju.

Tajjeb ngħidu li qed issir kollaborazzjoni mal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika li hija estensjoni tal-isforzi ta’ “Shadow of a Woman” biex toħloq kuxjenza dwar kwistjonijiet bħal dawn, aktar informazzjoni Il-kanzunetta hija kemm miktuba kif ukoll kantata minn Alexandra Alden u tinstab diġà fuq Spotify.

Għal aktar informazzjoni dwar Alice fl-Art bla Meravilji żur www.teatrumalta.org.mt. Dan il-proġett huwa appoġġjat mill-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza u l-Gvern, is-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riforma, l-Istitut tal-Kultura Taljana tal-Belt Valletta, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.


Emil Calleja Bayliss