Gwida.mt tkellem ma’ Alan Azzopardi li tilef il-vista minn għajnejh il-leminija. Minħabba f’hekk, kellu jagħmel żewġ trapjanti tal-cornea. Iżda sfortunatament l-ewwel trapjant ma rnexxiex.

Alan jistqarr li wara l-ewwel trapjant kien ġie agħar milli kien qabel. Għalhekk kellu jagħmel it-tieni trapjant. Qalilna li issa ilu sentejn li għamlu u b’xorti tajba għajnejh marret għall-aħjar. B’hekk illum, bis-saħħa tad-donaturi qiegħed jara.

Alan qalilna, “infexxejt fl-arti għax kien l-unika żvog li seta’ jbegħedni mill-uġigħ li kont inħoss.” Illum dan it-talent għadu jħaddnu, tant li qed jużah sabiex jippromwovi d-donazzjoni tal-organi. Fil-fatt mit-tpenġijiet impressjonanti tiegħu kien irnexxielu jiġbor 9,000 ewro b’kollaborazzjoni ma’ Vistra Malta.

Ilum il-ġurnata Alan jitkellem f’diversi skejjel u postijiet tax-xogħol sabiex jaqsam l-esperjenza tiegħu. Apparti minn hekk, iħajjar lin-nies biex isiru donaturi tal-organi għax bis-saħħa tagħhom illum reġa’ qed jara. Huwa jħeġġeġ ukoll lil min ikun qed jisimgħu biex ma jaqta’ qalbu qatt.

It-tim ta’ Gwida.mt jammira l-motivazzjoni li għandu dan ir-raġel! Nixtiequ ngħidulu grazzi tal-kuxjenza kontinwa li qed joħloq u ta’ kemm iqawwi qlub ta’ nies li jkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli!

Facebook / Alan Azzopardi


Yasmin Camilleri