Kull delettant taż-żfin żgur mhux forsi jaf li l-ewwel edizzjoni ta’ Dance Festival Malta ser issir fl-aħħar ta’ Lulju ta’ din is-sena. Festival li joffri opportunitajiet uniċi liż-żeffiena lokali biex jibnu relazzjonijiet professjonali ma’ diversi artisti internazzjonali, jitgħallmu tekniki ġodda, kif ukoll jesprimu t-talent tagħhom.
Aħna ċerti li dan il-festival ser jolqot il-gosti ta’ kulħadd u mhux biss ta’ żeffiena professjonali, għaliex tul l-erbat ‘ijiem tiegħu ser naraw diversi prestazzjonijiet meraviljużi tal-ballet, hip-hop kif ukoll żfin kontemporanju u modern! Aħna diġa introduċejna tliet prestazzjonijiet minn dawk programmati fil-festival, aqra dwarhom HAWN.
Illum imiss nintroduċu tliett prestazzjonijiet oħra, li jġibu l-ismijiet ta’ Frock, Evolve u Viola(ta). Ta’ min jgħid li dawn l-interpretazzjonijiet taż-żfin kollha għandhom messaġġ b’saħħtu fl-isfond tagħhom u żgur mhux forsi ser joffru spettaklu mill-aqwa!
‘Frock’, li ser jiġi preżentat minn Stopgap huwa tassew interessanti, mhux biss għaliex bħala kumpanija taż-żfin, Stopgap titratta dwar l-inklussivita’, iżda wkoll għaliex iż-żeffiena ser ikunu akkumpanjati minn soundtrack ta’ mużika rock, magħmul mill-mużiċisti Hannah Miller u Oli Austin ta’ Moulettes. It-tema tal-produzzjoni hija wkoll interessanti għaliex tipprova tfittex, kif ukoll tisfida, ċertu rwoli li tradizzjonalment huma mogħtija lill-irġiel u lin-nisa. Tassew mhux ta’ min jitlifha!
‘Evolve’ titratta dwar it-taqbida u l-evoluzzjoni tal-bniedem. Il-koreografija ta’ Shahar Binyamini tipprova toħroġ element ta’ żewġ entitajiet differenti, li flimkien jevolvu sabiex jimxu b’ċertu sens t’armonija, f’dinja kaotika. Din il-produzzjoni ser tkun akkumpanjata minn mużika ta’ Mica Levi.
Il-produzzjoni ‘Viola(ta)’ titkellem b’mod espressiv dwar il-vjolenza, speċjalment dik indirizzata lejn in-nisa. Permezz taż-żfin, Viola(ta) tipprova titkellem, jew aħjar, tesprimi l-emozzjonijiet ta’ vittma tal-vjolenza. Il-prestazzjoni ser tkun taħt id-direzzjoni ta’ Vito Alfarano, li ser ikun ukoll qed imexxi wieħed mill-worskshops li ser ikunu qed isiru waqt id-Dance Festival Malta.
Aħna eċitati ferm għal dan il-festival! Nintroduċukom ma’ aktar prestazzjonijiet fil-ġimgħat li ġejjin! Żuru is-sit www.festivals.mt/dfm għal iktar informazzjoni u biljetti!