F’inizjattiva konġunta bejn entitajiet varji li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli saret clean-up taħt il-baħar, fix-Xatt tal-Isla. Parteċipi kien hemm ’il fuq minn 30 bugħaddas, voluntiera bil-kayaks u snorkelers li mill-qiegħ tal-baħar fl-Isla ġabru aktar minn 2.5 tunellata ta’ skart—inkluż roti u parts tal-karozzi, injam, ħadid, ħġieġ, pajpijiet, gate, siġġijiet, u aċċessorji oħra.

Parteċipi kien hemm ukoll Raniero Borg, attivist ambjentali. Il-clean-up fil-baħar ġiet organizzata mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) bħala parti minn kampanja ta’ tindif li qed tikkordina Parks Malta. Parks Malta diġà wettqet tindif f’diversi widien madwar Malta, fosthom f’Wied Qirda, f’Wied iċ-Ċawsli, il-Park tal-Majjistral u l-Park tal-Inwadar. Minn madwar tmien widien, inġabru aktar minn 275 tunnellata ta’ skart.

df

Fl-attività li saret lejliet il-Jum Dinji għall-Konservazzjoni tan-Natura, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli spjegat kif il-kampanja ilha għaddejja numru ta’ ġimgħat. “Parks Malta ħarġet b’din l-inizjattiva għax rajna li hemm bżonn li nkomplu nqajmu aktar għarfien dwar il-ħtieġa li nżommu l-ispazji rikreattivi tagħna nodfa. Iżda ma ridniex nieqfu sat-tindif u permezz ta’ Parks Malta se nkunu qed niżirgħu mal-550 siġra f’widien differenti għat-tgawdija tal-pubbliku,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Ministru Dalli rringrazzjat lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) li għal waqt l-attività pprovdew ilma frisk għall-voluntiera permezz ta’ mobile unit. Il-Kap Eżekuttiv tal-EWA, is-Sur Manuel Sapiano, spjega kif il-baħar fl-Isla intagħżel għal dan il-cleanup wara li ġie nnutat li l-qiegħ tal-baħar kien maħmuġ. Manuel Sapiano rringrazzja lil kull min ta sehmu f’din l-inizjattiva inkluż numru sabiħ ta’ għaddassa mill-Aġenzija stess.

fd

“Dawn it-tip ta’ clean-ups huma importanti ħafna sabiex inżommu l-ambjent ta’ madwarna nadif, iżda huwa daqstant ieħor importanti li nevitaw milli jintefgħu oġġetti fil-baħar,” spjega s-Sur Sapiano. Minn naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta spjega kif: “Permezz ta’ din l-inizjattiva u oħrajn qed inkomplu nwasslu l-messaġġ tagħna, fejn bil-kontribut ta’ kull wieħed u waħda minnha nkunu nistgħu naħdmu aktar favur il-konservazzjoni tal-ambjent.”


Kyle Zarb