Joseph Refalo se jkun qed jipparteċipa fil-festival Mużika Mużika f’Marzu li ġej. Joseph tkellem ma’ Gwida.mt dwar l-esperjenza tiegħu kemm qabel il-parteċipazzjoni kif ukoll dak li hemm qed jitħejja.

Joseph huwa kantant li kemm-il darba rajnieh ikanta bil-lingwa Maltija. Għaldaqstant staqsejnieh xi tfisser għalih li jkanta b’ilsien pajjiżna.  “Il-lingwa Maltija hija parti minna, hija waħda mill-affarijiet li tagħmilna Maltin. B’hekk meta l-opportunità tippreżenta ruħha li nkanta jew nesprimi ruħi biha, l-emozzjoni tkun waħda aktar ġenwina.” 

“Nammetti li fraħt bir-ritorn tal-Kanzunetta Maltija, issa bl-isem Mużika Mużika. Hija pjattaforma ta’ livell għoli, xi ħaġa li pajjiżna verament bżonnha.” 

gf

“Ġieli nħoss li kemm il-lingwa tagħna u kemm dak li jagħmilna Maltin ma jingħatax il-valur mistħoqq. Għalhekk fraħt, għaliex permezz ta’ dan l-ispettaklu tant għoli, il-lingwa tingħata r-rikonoxximent!”

Joseph kien ukoll parti mill-grupp Avenue Sky. Kellimna wkoll dwar din l-esperjenza li qasam ma’ sħabu kantanti oħra. “Kienet esperjenza tal-ġenn li nibqa’ nġorr miegħi tul ħajti kollha. Meta tkun ġo grupp, bla ma trid, tispiċċa titgħallem kemm hi importanti d-dinamika ta’ kull individwu.” 

“Jien inħoss li kbirt permezz ta’ din l-esperjenza, kemm mill-att professjonali kif ukoll personali. Tgħinek tibni ċertu livell ta’ komunikazzjoni u determinazzjoni.”

“Kelli ħafna esperjenzi sbieħ magħhom u huma jafu kemm xtaqt komplejt din l-avventura magħhom, iżda minħabba impenji ta’ studju, kelli nieħu deċiżjonijiet f’waqthom.”

“Nammetti li ninsab verament ferħan u ħerqan biex ngħix din l-esperjenza magħhom. Żgur li ħa nidħku ħafna.”  Joseph jinsab preparat u ħerqan biex jieħu sehem bħala solista wkoll ġo festival lokali flimkien mat-tim tiegħu. “L-isbaħ ħaġa hi meta tpoġġi bilqiegħda mat-tim tiegħek, tisma’ l-ideat kollha…” 

Lil Joseph rajnieh anke fid-drama f’sensielet lokali. Hemm xi pjanijiet għall-futur f’dan il-qasam? 

gf

“Qatt ma ngħid ‘qatt’! Jiena persuna imprevedibbli ħafna. Id-drama kienet għal qalbi u nemmen li għad jerġa’ jiġi dak iż-żmien, però kollox f’ħinu u f’waqtu għax ma rridx nispiċċa f’pożizzjoni li ma nlaħħaqx!”

Il-kantant narawh ikanta b’tant passjoni. Tkellem magħna dwar kemm il-mużika tfisser għalih u kemm tgħinu anke fuq livell personali.  “Dejjem kienet hemm u ġieli kienet hi li wasslitni għar-risposta tal-problemi li jkolli. Il-mużika hija l-mediċina għal kull esperjenza tal-ħajja, għalmenu għalija.”

“Dejjem kienet il-mezz li bih, jew nifraħ aktar b’xi esperjenza jew li nagħlaq għajnejja u permezz tagħha naħrab minn xi ġurnata kerha għal ftit minuti!” 

“Aktar faċli nitla’ fuq palk quddiem sala mimlija nies, milli ġo kamra f’konversazzjoni ma’ ftit persuni. Kulħadd differenti fid-dinja! Din hija r-raġuni ewlenija għaliex ħafna nies bħali jgħidulek li l-mużika hija ħajjithom.”    

gh

Joseph kellimna wkoll dwar il-kanzunetta Mil-Lenti Tiegħi. “Hija kanzunetta li tittratta dwar kif f'din id-dinja, tagħmel x'tagħmel, jaf tlaqqatha faċilment!”

“Ngħixu f'soċjetà ta' nies li jridu jiġġudikaw kollox, li jridu jerfgħu salib kulħadd, anke jekk ma jafux l-istorja kif vera hi. Ħafna jgħixu u jaġixxu biex jinġiebu minn ħaddieħor u mhux kif verament jixtiequ.” 

“Il-messaġġ ewlieni ta' din il-kanzunetta huwa biex ma tagħti każ xejn dak li jistgħu jgħidu ta' madwarek, għix siegħa b'siegħa u għix kif trid, għax il-ħajja qasira wisq!”

Joseph kellimna wkoll dwar l-istil tal-kanzunetta tiegħu. “L-istil tal-mużika huwa wieħed mexxej u allegruż, li ċertament ħa jgħin lil dak li jkun, jiċċaqlaq u jagħmel xi erba’ passi, u fl-istess ħin jifhem aktar il-messaġġ bażiku tal-kanzunetta”

Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta.


Kyle Zarb