Claudine Muscat titkellem mal-paġna The People of Malta dwar il-bżonn li tirċievi d-demm kull ftit ġimgħat. Hija tisħaq l-importanza tad-donaturi tad-demm li mingħajrhom hi ma tistax tgħix. Hi tikteb, "Ħajti tiddependi mid-donazzjonijiet tad-demm. Immur nirċievi d-demm kull ħames ġimgħat. Nieħu madwar 4 boroż kull darba li mmur. F'sena, waħdi, nieħu madwar 60 borża demm. Nista' noħlom għax għandi l-kura. Ambizzjonijiet ikolli u grazzi għall-provvista tad-demm, nista' ngħix b'mod normali u noħlom biex nilħaq it-tragwardi f'ħajti."

Hi tkompli tgħid, "Inbati bit-talassemija, kundizzjoni ġenetika li tiritha miż-żewġ ġenituri u li jseħħ meta l-ġisem ma jipproduċix biżżejjed proteina msejħa emoglobina (hemoglobin), parti importanti taċ-ċelloli ħomor tad-demm. Il-ġenituri huma carriers, jiġifieri talassemija m'għandhomx. Ta' sena ġejt 'diagnosed'. It-tabib kien jarani pallida. Mit-testijiet kienu skoprew li għandi din il-kundizzjoni."

Claudine tispjega, "Meta nirċievi d-demm ninduna kemm kont ħażin. Inkun qisni persuna li marret ġirja u tkun għajjiena ħafna u wara li tinħasel, tieħu r-ruħ u tħossha aħjar. Hekk inħossni wara li nirċievi d-demm. In-nuqqas tal-provvista tad-demm tinħass. Qatt ma dħalt l-isptar u ma tawnix demm imma hemm persuni li jbatu bħali b'din il-kundizzjoni u ġieli kellhom jipposponulhom il-ġurnata u dak ikun ifisser li se jkunu dgħajfa u għajjiena."

Hi żżid, "Meta kont studenta, kont nispiċċa nitlef ħafna lezzjonijiet għax kont irrid immur nieħu d-demm. Imma kelli sapport kbir mill-għalliema li tant għandi rispett lejhom, tant li ggradwajt bħala għalliema. Sibt ukoll sapport minn sħabi tal-klassi. Meta niġi biex immur l-isptar għad-demm ikolli ħafna nervi. L-isptar qatt ma tieħu pjaċir tmur. Tinsiex, li jiena nagħmel madwar 6 sigħat l-isptar biex ningħata d-demm."

Claudine tgħid, "Malta hawn numru sostanzjali ta' carriers ta' din il-kundizzjoni. Fil-fatt, din hija waħda mill-affarijiet li jiġu ttestjati għaliha t-trabi. Min hu carrier, mhuwiex meħtieġ li jidħol għall-kura. Aħna nissejħu 'Transfusion Dependent Patients'. Nappella biex iktar nies imorru jagħtu d-demm. Nammirahom lil dawk li jmorru jagħtu d-demm, għax bis-saħħa tagħhom, nies bħali u oħrajn jistgħu jgħixu."

Ejja nxerrdu dan il-messaġġ biex aktar nies jersqu biex jagħtu d-demm.


Gwida.mt