MARA se jkunu qed jipparteċipaw fil-festival Mużika Mużika f’Marzu li ġej. Il-grupp tkellem ma’ Gwida.mt dwar l-esperjenza kemm qabel il-parteċipazzjoni kif ukoll dak li hemm qed jitħejja.

Il-grupp MARA huwa magħmul minn ħames nisa tal-ġenn; Annabelle Vella; Ruth Portelli; Alexia Farrugia, Rachel Lowell u Maria Spiteri. Infatti l-isem MARA inħoloq bl-inizjali ta' isem il-kantanti, u ddawwar fil-kelma Maltija 'mara'.

"Bl-għajnuna tal-maniġer tagħna Marc Calleja Bayliss, il-kompożitur Philip Vella u l-awtur Emil Calleja Bayliss, Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija ħa jkun l-ewwel proġett tagħna flimkien. Bħalissa qegħdin naħdmu qatiegħ biex noħorġu bl-aħjar prodott possibbli."

gf

Id-dinamika bejn il-membri taħdem tajjeb immens. "Wara diskussjoni interna ħsibna li għandu jkun MARA, anke minħabba l-fatt li aħna 5 nisa u qegħdin hawn biex nirrapreżentaw s-saħħa tas-sess femminili. Bħala proġetti, jidher li ser ikun hemm affarijiet oħra fil-futur", tgħidilna Annabelle.

Skoprejna li f'dan il-grupp għandna għalliema tal-vuċi u studenta tagħha li ssieħbu flimkien f'MARA, Anabelle u Alexia! Rachel tgħidilna li, "Jiena, Maria u Ruth konna nafu ftit ‘l xulxin minħabba li ilna ftit mhux ħażin naħdmu ma’ Marc, il-maniġer tagħna filwaqt li Annabelle hija l-għalliema tal-vuċi ta’ Alexia"

Kemm jirnexxielhom jaqblu flimkien ħamsa f'grupp wieħed? "Aħna kollha tfajliet b’opinjonijiet differenti, u d-diskussjonijiet storbjużi bejnietna ma jonqsux, però għalkemm hemm differenza fl-interessi tagħna u anke fl-etajiet ta’ bejnietna, naqblu f’ħafna affarijiet."

gf

Maria tgħidilna li, "Il-komunikazzjoni hija kollox! Importanti li dejjem inżommu kuntatt bejnietna, anke lil’hinn mill-affarijiet tal-mużika... Noħorġu flimkien meta nkunu nistgħu, bil-għan li dejjem nsaħħu l-ħbiberija tagħna. Imnalla jkun hekk, għaliex it-tbissima li jnissluli dawn in-nisa ta’ MARA hija kbira."

Staqsejna anke dwar il-karatteristiċi tal-kanzunetta Aħjar Hekk Inkella Agħar. Din il-kanzunetta għandha lirika ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Philip Vella. Flimkien it-tim irnexxielu joħloq emalgamazzjoni ta' stil tradizzjoni flimkien ma' dak modern.

Ruth tgħidilna, "Bħala karatteristiċi, aħna naraw li l-kanzunetta tgħaqqad fiha diversi elementi Maltin fosthom qwiel u taqbiliet popolari f’mużika li għalkemm tfakkrek fit-tradizzjonali, iġġiegħlek taħseb fuq kemm hi moderna fl-istess ħin."

Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta.


Kyle Zarb