Hekk kif in-nies qegħdin isiru iżjed konxji ta’ użanzi li jagħmlu tajjeb lill-ambjent ta’ madwarna billi jirriċiklaw, ma jarmux barra, u affarijiet oħrajn, intervistajna lil Samira Axiak, influencer Maltija żagħżugħa, fuq il-moda sostenibbli. Dan il-fenomenu pjuttost ġdid iħajjar lin-nies jixtru l-ħwejjeġ tagħhom minn kumpaniji li huma sostenibbli, jew minn thrift shops.

Minn dejjem kellek għal qalbek l-ambjent?

“L-ambjent minn dejjem kien għal qalbi, saħansitra meta kont żgħira dejjem kont ngħid li rrid nidħol fil-liġi tal-ambjent. Meta umbagħad ħriġt mis-sekondarja waqaft nisma’ affarijiet fuq l-ambjent, iżda dejjem baqa suġġett għal qalbi. Sempliċiment anka d-dar, dejjem nissepara l-iskart.”

X’inhi l-moda sostenibbli?

“Għalija l-moda sostenibbli hija li tilbes skont il-moda kif inhi jew bl-istil tiegħek, mingħajr ma tagħmel ħsara lill-ambjent fil-proċess. Meta kont nixtri ħwejjeġ minn stabbilimenti tal-ħwejjeġ rinomati, f’inqas minn sena wara kont nispiċċa nagħtihom b’donazzjoni lil xi ħadd, għax il-moda dejjem tinbidel. M’hemmx għalfejn tixtri ħwejjeġ minn thrift shops bilfors, hemm ditti tal-ħwejjeġ li jimmanifatturaw il-ħwejjeġ b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.”

Taħseb li hawn stigma fuq thrift shopping?

“Ħafna nies sfortunatament jaħsbu li dawn it-tip ta’ ħwienet huma tal-imbarazz. Hawn stigma u perspettiva kemxejn negattiva dwarha speċjalment fil-ġenerazzjoni ta’ qabilna. Iżda fil-ġenerazzjoni tagħna u ta’ warajna qed ninduna li l-istigma qed tonqos, għax in-nies qed isiru aktar konxji fuq l-impatti li għandhom kumpaniji kbar fuq l-ambjent.”

Samira tikkonkludi l-intervista billi tgħid “Nixtieq li n-nies ikunu iżjed konxji fuq dak li qegħdin jixtru, u jagħmlu riċerka fuq il-kumpaniji li qegħdin jixtru minnhom.”

Instagram / @hey_its_samii


Nicole Zammit