Il-Milied issa jinsab wara l-bieb, proprju ftit ġimgħat 'il bogħod u diġà nistgħu nħossu l-eċċitament li qed jiżdied aktar ma jmur. Għal ħafna nies, il-Milied flimkien mal-Ewwel tas-Sena huma l-festi prinċipali fil-kalendarju tagħhom, iżda minħabba li ħafna nies jiċċelebraw dawn il-jiem, il-festi joħolqu ammont kbit ta' skart.
Tajjeb li wieħed tul il-festi li ġejjin iżomm f'moħħu dawn l-affarijiet sabiex ikun hemm inqas ħela u nibżgħu wkoll għall-ambjent ta' madwarna, ħafna drabi nagħmlu dan, b'tibdil tassew żgħir li jista' jsir parti mir-rutina tagħna ta' kuljum.
Naqqas milli tuża ċertu prodotti
Ir-rigali geżwirhom f'gazzetti, rivisti jew komiks qodma, dawn taf verament iżejnu r-rigali tiegħek. Hu stmat li madwar 227,000 mil ta' wrapping paper jiġi wżat kull sena, dan il-famuż wrapping paper ħafna drabi minħabba t-tiżjin li jkollu ma jkunx riċiklabbli.
Wieħed dejjem jista' jagħti xi esperjenza milli rigal fiżiku. Immaġina tieħu lill-għeżież tiegħek ġurnata fil-gżira Għawdxija, xi ġurnata Sqallija jew inkella ġurnata f'xi post tad-divertiment lokali. Hekk ma toħloqx skart!
Ippjana l-porzjonijiet tal-ikla tiegħek - kull Milied, ħafna familji Maltin isajru wisq ikel, kulħadd mimli, u ħafna affarijiet jispiċċaw jintremew. Din is-sena, kun ftit aktar kawt u forsi ara xi jħobbu l-mistednin tiegħek. Din it-tattika tista' tgħinek tnaqqas il-ħela tal-ikel tiegħek billi tippermettilek li tixtri u tipprepara biss l-affarijiet li għandek bżonn.
Evita pożati u platti li jintremew! Din taf tgħin ħafna lill-ambjent għax ikun hawn minn jippreferi jixtri dawn it-tip ta' pożati u platti sabiex jiffranka l-ħin fl-aħħar. Dawk il-ftit minuti vera tkun frankajthom imma indirettament tkun qed toħloq aktar problemi ambjentali.
Uża Mill-Ġdid
Ippakkjar - Minbarra l-famuża wrapping paper, għandek envelops, kaxxi tal-kartun, u basktijiet tar-rigali. Huwa faċli li terġa' tuża ħafna minn dawn l-oġġetti. Wara l-gost li tiftaħ ir-rigali tiegħek, warrab l-iskart li jkollok għall-użu mill-ġdid.
Kartolini tal-Milied - Il-kartolini tal-Milied dejjem jista' jerġgħu jintużaw bi ftit ħsieb, kemm bħala kartolini tal-Milied jew inkella tikketti tar-rigali għas-sena d-dieħla.
Irriċikla
Oħloq xemgħat ġodda minn xemgħat tal-Milied li jkun fadallek! Faċli ssib filmati ta' kif tista' tagħmel użu tax-xemgħat li jkun fadallek sabiex toħloq xemgħat ġodda bi ftieli ġodda u tiffranka xi ħaġa tal-flus ukoll.
Iddisinja mużajk mill-blalen antiki tal-Milied. Dawwar il-blalen antiki f'kapulavur artistiku fi ftit ħin. Kebbeb bir-reqqa xi baubles qodma fil-gazzetti u bil-mod farrakhom, biex toħloq madum tal-mużajk ikkulurit ċkejken. Tista' tagħmel xi disinn tal-Milied.
Uża l-kaxxi u l-karti tal-ippakkjar biex tiddissinja xi presepju għas-sena ta' wara. Xejn mhu isbaħ milli tgħaqqad il-familja u l-ħbieb u flimkien toħolqu presepju ħelu. Wieħed ma jridx ħafna affarijiet u malajr tista' tuża l-affarijiet li ssoltu tarmi biex toħloq l-għar li fih twieled Ġesù Bambin.
Agħmel kuruna għal mat-tinsil u d-dawl antik. Uża l-provvisti qodma tal-Milied li għadda biex toħloq kuruna tal-Milied brillanti ġdida fjamanta għas-sena d-dieħla u tħalli lil kulħadd jaħseb minn fejn xtrajtha.
Bi ftit imaġinazzjoni, tista' tagħmel differenza kbira, tiffranka l-flus u tgħin l-ambjent. Barra minn hekk, tista' toħloq dekorazzjonijiet ġodda li ċertament jinżlu għasel mal-familja u ma' min tkun qed tilqa' f'darek f'dawn il-festi.